ID-DAQQA TA' PONN MA KKAWŻATX IL-MEWT TA' ZACH MELI | One News

Notifiki

ID-DAQQA TA’ PONN MA KKAWŻATX IL-MEWT TA’ ZACH MELI

Żvolta oħra importanti fil-każ tal-mewt taż-żagħżugħ Zach Meli ta’ 24 sena mill-Ibraġġ kmieni l-Ħadd filgħodu bil-pulizija tistabbilixxi kważi biċ-ċert li l-ġuvni ma mietx bid-daqqa ta’ ponn li qala’ mingħand il-Bulgaru.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija żvelaw ma ONE NEWS li m’hemm l-ebda dubju dwar id-daqqa ta’ ponn li qala’ Zach Meli mingħand iż-żagħżugħ Bulgaru Denis Dovko waqt argument li nqala’ bejniethom ftit ‘l isfel mit-taraġ ta’ Triq Santa Rita f’Paceville.

Madankollu l-Pulizija huma konvinti li d-daqqa ma kinitx il-kawża jew kellha xi rwol fil-mewt ta’ Zach Meli hekk kif kien maħsub fl-investigazzjonijiet preliminari.

L-istess sorsi spjegaw li matul il-jum tat-Tlieta ssoktaw sew l-investigazzjonijiet tal-pulizija wara li r-riżultati tal-awtopsja li saret it-Tnejn ma kinux konklussivi. Fl-istess waqt stabbiliet li fuq il-katavru tal-vittma ma nstabu l-ebda marki ta’ vjolenza.

Intant fl-aħħar sigħat il-Pulizija kompliet tkellem aktar nies li kienu fuq il-post u raw l-argument jiżvolgi quddiem għajnejhom. Fl-istess waqt kompliet għaddejja bil-ħidma biex tiġbor aktar filmati minn cameras tas-sigurtà li hemm fiż-żona.

Dan hekk kif saru u se jibqgħu jsiru bosta testijiet tossikoloġiċi oħra fuq il-katavru ta’ Meli bil-għan li tiġi ddeterminata l-kawża tal-mewt tiegħu.

Fil-fatt mhux qed jiġi eskluż liż-żagħżugħ seta’ kien taħt l-effett tal-alkoħol jew ta’ sustanzi illeċiti.

L-istess sorsi qalu li ma jistgħu jieħdu xejn b’ċertezza u kollox għad irid jiġi konkluż ladarba r-riżultati tal-awtopsja jkunu konklussivi.

Fid-dawl ta’ dan, il-katavru ta’ Zach Meli għadu ma jistax jiġi rrilaxxat għad-difna waqt li l-Pulizija għad trid tistabbilixxi x’passi kriminali għad tista’ tieħu fil-konfront ta’ Denis Davko li lbieraħ inħeles mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend