Il-Gvern ħabbar li se jirtira l-emendi u mhux se jkompli bil-proċess li jindirizza l-anomaliji fil-liġi dwar il-pensjonijiet tal-membri parlamentari.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li d-deċiżjoni li kienet se twassal għal bidliet fis-sistema tal-pensjonijiet tal-ex-Membri Parlamentari, ewlenin fosthom biex ex-Membri Parlamentari li servew għal leġislatura waħda jieħdu pensjoni pro-rata meta jagħlqu l-eta’ pensjonabbli, hija waħda li tirrikjedi kunsens fil-Parlament.
Qal li d-diskussjonijiet dwar dawn il-proposti mressqa mill-Assoċjazzjoni tal-ex-Membri Parlamentari kienu ilhom għaddejjin xhur u l-Gvern ressaq din il-liġi meta ntlaħaq qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar il-kontenut.
Sostna li issa li l-Oppożizzjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha u rtirat dan il-kunsens, il-Gvern se jkun qed jirtira dawn l-emendi u mhux se jkompli bil-proċess li jindirizza dawn l-anomaliji fil-liġi.
Il-Gvern fakkar li dawn il-bidliet kienu biss se jindirizzaw anomaliji li jeżistu u ma kinux se jżidu l-pensjoni tal-Membri Parlamentari u lanqas kienu se jagħtu xi privileġġi ġodda lill-Membri Parlamentari.