Il-kawżi pendenti fil-Qorti t’Għawdex naqsu b’iktar minn tliet mija.
Dan meta wieħed iqabbel l-aħħar tas-sena elfejn u tnax, mal-aħħar ta’ Jannar li għadda.
Dettalji mogħtija fil-Parlament juru kif dan it-tnaqqis jirrifletti l-iżjed fil-Qrati Kriminali, fejn il-kawżi naqsu b’iktar min-nofs.
Fil-fatt filwaqt li fi tmiem l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista il-kawżi pendenti kienu jlaħħqu l-ħames mija u sbatax, fl-aħħar ta’ Jannar dawn niżlu għal mitejn u tnejn u erbgħin. Tnaqqis ta’ mitejn u ħamsa u sebgħin każ.
DIĊEMBRU 2012 | JANNAR 2018 | DIFFERENZA |
517 | 242 | -275 |
Minn naħa l-oħra, fil-Qrati Ċivili il-kawżi niżlu minn ħames mija u ħamsin għal ħames mija u ħdax.
Tnaqqis ta’ disa’ u tletin kawża.
DIĊEMBRU 2012 | JANNAR 2018 | DIFFERENZA |
550 | 511 | -39 |
Fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament, fejn ta’ dawn id-dettalji, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici spjega kif dawn id-dettalji jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jkompli jnaqqas il-kawżi pendenti fil-Qrati Lokali sabiex jibbenefikaw iċ-ċittadini.
Għaldaqstant filwaqt li hemm lok għal titjib, il-Ministru Bonnici tenna li dawn ir-riżultati jagħtu iktar enerġija lill-Gvern biex ikompli bir-ritmu ta’ riformi biex il-proċessi ġudizzjarji jsiru iktar spediti.