Jibda s-seminar ta' taħriġ għas-sajjieda | One News

Notifiki

Jibda s-seminar ta’ taħriġ għas-sajjieda

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri fetaħ is-seminar għas-sajjieda mifrux fuq jumejn organizzat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan is-seminar jifforma parti mill-proġett ta’ taħriġ għas-sajjieda, liema proġett ser ikun qiegħed jiġi kofinanzjat mill-fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014-2020.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-Gvern jemmen ħafna f’tagħlim tul il-ħajja u għal dan il-għan, nofs miljun ewro ġew allokati għal dan is-seminar u għal korsijiet ta’ taħriġ li se jiġu pprovduti lis-sajjieda bħala parti minn dan il-proġett. B’sodisfazzjon hu ħabbar li għal dawn l-attivitajiet aktar minn 360 sajjied ser ikun qiegħed jattendi u jibbenefika minn sezzjonijiet ta’ taħriġ li ser ikunu qegħdin jitwasslu fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan jgħin sabiex jisaħħaħ l-għarfien f’oqsma varji, fosthom ir-regolamenti tas-sajd, liġijiet marittimi u l-użu tal-informazzjoni teknoloġika kif ukoll wieħed jiġi infurmat kif għandu jipproteġi saħħtu u s-saħħa ta’ dawk abbord ta’ dgħajsa f’każ ta’ emerġenza.

Dan il-proġett jikkontribwixxi b’mod dirett fit-tisħiħ tal-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Clint Camilleri spjega kif grazzi għall-ħidma tal-Gvern Malti u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-qasam tas-sajd ħa spinta ’l quddiem permezz ta’ diversi proġetti li ġew imwettqa fil-passat, li fosthom jinkludu: it-tisbiħ tal-port fl-Imġarr, Għawdex, il-bini ta’ pixkerija ġdida fil-Marsa, titjib tal-konsum tal-ħut frisk permezz ta’ kampanja edukattiva u  titjib fil-portijiet awtorizzati tal-Marsa, San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn u Marsaxlokk.

Riċentement diversi skemi ġew imnedija mid-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi sabiex is-sajjieda jiddiversifikaw is-sengħa tagħhom, kif ukoll biex jagħmlu investiment abbord id-dgħajsa tagħhom sabiex jixtru tagħmir aktar effiċjenti li jikkawża inqas tniġġis tal-ambjent.

Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura bħalissa qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti oħra, fosthom kampanja edukattiva sabiex jiżdied il-konsum tal-ħut li huwa meqjus sostenibbli, il-kostruzzjoni ta’ uffiċċju fejn jinħatt il-ħut ġewwa Marsaxlokk, investiment ġewwa l-faċilità ta’ San Luċjan, u diversi proġetti oħra li jsaħħu l-kontrolli meħtieġa sabiex wieħed jassigura l-futur sostenibbli ta’ dan is-settur. Dan l-investiment qed isir sabiex is-settur tas-sajd u l-akkwakultura jkun jista’ jaqdi u jirrispondi b’mod aktar effettiv għall-isfidi li jiltaqa’ magħhom is-sajjied.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend