Minn għada se jinfetaħ l-aċċess għal Baċir numru 7 wara nofsinhar | One News

Notifiki

Minn għada se jinfetaħ l-aċċess għal Baċir numru 7 wara nofsinhar

Wara diskussjonijiet li l-Gvern kellu mal-partijiet ikkonċernati, xprunati mill-karba ta’ bosta residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, ġie deċiż li jinfetaħ l-aċċess għal Baċir numru sebgħa bejn it-tlieta ta’ wara nofsinhar u s-sebgħa ta’ filgħaxija.Biex minn għada, minbarra bejn is-sitta u d-disgħa ta’ filgħodu, l-aċċess għall-Baċir numru sebgħa se jibda jinfetaħ fid-direzzjoni opposta wara nofsinhar ukoll.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-post li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet fabbrika fil-Marsa, il-Ministru Ian Borg spjega li għal kull triq li qed tingħalaq minħabba x-xogħlijiet li qed isiru, se tinfetaħ oħra, bil-għan li t-traffiku jibqa’ għaddej b’mod normali u ma jinħoloq l-ebda inkonvenjent.

Filfatt, mill-ġimgħa d-dieħla se jinfetħu karreġġjati ġodda fuq in-naħa tal-lemin li jagħtu għal Triq Aldo Moro, hekk kif se jibda x-xogħol fuq in-naħa tax-xellug tal-istess triq.

F’analiżi dettaljata tax-xogħlijiet li għaddejjin fl-akbar proġett u investiment infrastrutturali li qatt ra pajjiżna, il-Ministru Ian Borg spjega li l-ewwel fażi – it-twaqqiegħ tal-fabbrika, kważi lesta.

It-tieni fażi, li tinkludi t-twessiegħ t’Aldo Moro u l-ħolqien ta’ spazji ġodda għal rotot alternattivi, tinsab fi stadju avvanzat.

Dan filwaqt li t-tielet fażi, li tinkludi t-tenders għas-seba’ strutturi tal-proġett, għadha qed tiġi aġġudikata.
L-appell dejjem jibqa’ biex is-sewwieqa jikkoperaw fi sfond ta’ xogħlijiet li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkomplu jintensifikaw bħala parti minn proġett li juri r-rieda tal-Gvern li jindirizza l-isfidi li jeżistu fit-toroq Maltin.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend