Aġġornat: Il-PM jixtieq jara aktar parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u n-nisa | One News

Notifiki

Aġġornat: Il-PM jixtieq jara aktar parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u n-nisa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jindirizza seduta parlamentari fejn iż-żgħażagħ iċċelebraw il-fatt li issa jistgħu jivvutaw hekk kif jagħlqu 16-il sena. Dan huwa avveniment li l-Prim Ministru sejjaħ bħala jum storiku meta l-kostituzzjoni ġiet emendata b’vot unanimu.

Huwa qal li dan jagħmilna kburin bħala pajjiż. Fakkar li disa’ snin ilu huwa kien kiteb artiklu jissuġġerixxi dan u beda d-dibattitu fejn illum jinsab kburi li wasalna sa hawn.

Dr. Muscat qal li jiddispjaċih bil-kritika pjuttost mijopika ta’ min jgħid li ż-żgħażagħ għandhom mnejn ibiegħu l-vot. L-esperjenza turik li anke t-tfal tiegħu li għandhom 10 snin ma tixtrihomx kif ġieb u laħaq. Aħseb u ara żgħażagħ ta’ 16-il sena u fuqhom.

Il-Prim Ministru qal li meta ż-żgħażagħ ivvutaw l-ewwel darba għall-Kunsilli Lokali huwa ddispjaċih li ma tantx kien hemm follow up. Il-parteċipazzjoni affettwat l-andamanet tal-Kunsilli b’mod negattiv għax in-numru ta’ żgħażagħ li vvutaw kien jikkumpara ma’ votanti ta’ etajiet oħra. Huwa stenna li l-għadd kien se jkun akbar. “Irid ikun hemm engagement akbar f’dan ir-rigward,” qal.

Dan huwa quantum leap għax quddiemna għandna ċiklu elettorali sħiħ. Il-bidla kostituzzjonali ma saritx mgħaġġla lejliet l-elezzjoni iżda issa jistenna li d-diskors politiku jiġi affettwat b’mod pożittiv.

Id-djalettika politika se tkun inqas self-centred, aktar idealistika fejn irridu naslu għall-pajjiż. L-outlook se tkun ferm aktar miftuħ għall-ħajja.

Iż-żgħażagħ jistennew affarijiet dirrenti minn etajiet oħra u issa l-partiti jridu jaħdmu fuq suġġetti li qabel ma kinux fuq nett tal-aġenda politika. “Din se twassal biex il-partiti jħarsu lil hinn miż-żoni konvenzjonali.”

Il-Prim Ministru qal li ż-żgħażagħ li tkellmu qablu, semmew punti biex inkunu konformi u koerenti. Il-kumitat tal-abbozzi ta’ liġi llum stess se jiddiskuti l-abbozz tal-liġi kontra l-vjolenza domestika li jwassal ukoll biex il-kunsess sesswali jitbaxxa għal 16-il sena. “Imissa li ilna li llegalizzajna f’dan il-qasam!”

Il-Prim Ministru temm jgħid li huwa jħares ’il quddiem u jixtieq li d-diskussjoni ma tieqafx biss fuq l-età iżda fuq sfidi ferm akbar.

“Dalwaqt naslu għall-konveznjoni kostituzzjonali. Iżda hemm affarijiet immedjati, fosthom il-parteċipazzjoni femminili fil-politika biex fil-legislatura li ġejja ma jkunx hemm l-iżbilanċ preżenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend