EXIT POLLS: Ebda partit ma kiseb il-maġġoranza fl-Italja – One News

Notifiki

EXIT POLLS: Ebda partit ma kiseb il-maġġoranza fl-Italja

Exit polls fl-Italja li xxandru fil-11.00 p.m fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan Rai Uno juru li ħadd mill-partiti fl-Italja ma kiseb il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni li saret il-Ħadd biex ikun jista’ jifforma gvern ġdid. Il-Movimento 5 Stelle kiseb l-akbar ammont ta’ voti.

L-istħarriġ li sar fost 80,000 ruħ juru li l-Movimento Cinque Stelle mistenni jikseb bejn 29 fil-mija u 32 fil-mija, segwit mill-Partito Democratico b’persentaġġ ta’ bejn l-20.5 fil-mija u t-23.5 fil-mija u li b’dan ir-riżultat imur lura fl-Oppożizzjoni.

Il-Partit ta’ Silvio Berlusconi Forza Italia mistenni jikseb bejn it-13 u s-16 fil-mija u bl-istess persentaġġi l-Lega Nord, il-partit tal-alleat tiegħu Matteo Salvini. Il-partit alleat magħha Frattelli d’Italia mistenni jikseb bejn 4 u 6 fil-mija.

Il-koalizzjoni taċ-ċentru lemin li tinkludi lil Berlusconi mistennija tirbaħ l-akbar ammont ta’ siġġijiet b’persentaġġ ta’ bejn it-33.5 fil-mija u 36.5 fil-mija, segwit mill-Movimento 5 Stille b’perstentaġġ ta’ bejn id-29 fil-mija u t-32 fil-mija u ċ-ċentru xellug li mistennija jikseb bejn 25 u 28 fil-mija tal-voti.

Berlusconi li għandu 81 sena ma jistax jieħu t-tmexxija tal-pajjiż sas-sena d-dieħla minħbba li nstab ħati ta’ frodi ta’ taxxa.

Berlusconi li kien erba’ darbiet prim ministru ngħaqad f’koalizzjoni mal-Lega Nord li huwa kontra l-immigrazzjoni u ta l-appoġġ tiegħu lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani biex ikun hu li jmexxi l-pajjiż f’każ li din il-koalizzjoni jirnexxielha tikseb il-maġġoranza assoluta biex tifforma gvern ġdid.

Fl-ewwel reazzjonijiet tagħhom, l-opinjonisti politiċi qalu li l-poplu Taljan warrab lill-partiti tradizzjonali biex ivvota għal dawk il-partiti ta’ protesta bħalma huma l-Movimento 5 Stelle u l-Lega Nord.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend