Suldat Malti li ġġieled fl-Iraq jibqa' trawmatizzat bil-gwerra | One News

Notifiki

Suldat Malti li ġġieled fl-Iraq jibqa’ trawmatizzat bil-gwerra

 

It-tradizzjoni tal-familja li kull ġuvni jservi fl-armata Ingliża waslet lill-Malti imwieled l-Ingilterra, Marc James li jservi għal tminn snin fl-armata Ingliża.  James serva fl-Irlanda ta’ fuq, fl-Iraq u fil-Bosnja fejn hemmhekk għadda minn esperjenzi li jibqgħu miegħu tul ħajtu.

Qasam magħna kif wara t-taħriġ bażiku ta’ tmienja u għoxrin ġurnata li kull suldat irid jgħaddi minnu, sab ruħu mill-ewwel fl-Irlanda ta’ fuq fejn hemmhekk beda jaqdi dmirijietu bħala suldat Ingliż.  Ma tantx dam hemmhekk għaliex ftit wara sab ruħu fil-battalji tal-Iraq fl-Operazzjoni Telic bħala wieħed mill-Welsh Guards.

Marc James irrakkonta kif “Mill-ewwel f’2003 l-amministrazzjoni tal-gvern kienet qed tagħti s-sapport lill-Amerka fejn l-Ingliżi ġew bit-‘task’ li ‘jinvadaw’ lill-Iraq min-naħa t’isfel u l-Amerikani jduru u jinvadaw minn fuq.”

Marc qalilna kif għadda żmien ta’ servizz militari ukoll fil-Bosnja fejn għalkemm ma’ kienx attiv fil-gwerra huwa esperjenza l-effetti li jiġu wara kull kunflitt imdemmi.

Hu qal li “Allavolja ma kienx servizz attiv  fis-sens tal-kelma ma kontx qed niġġieled gwerra, konna qiegħdin hemm u rajt il-post war tan-91.  Jiena niftakar li Malta laqgħet xeba tfal mill-Bosnia u l-Kosovo meta kienu qiegħdin jiġġieldu bejniethom.”Il-gwerra fl-Iraq fl-elfejn u tlieta ħallietlu bosta memorji koroh.   Filwaqt li kien hemm bosta drabi fejn il-ballal ma laqtuhx bi żbrixx, l-iktar ħaġa li jibqa’ jiftakar kien meta ma rnexxilhomx isalvaw mara milli tiġi maqtula minn żewġha stess.

Huwa rrakonta l-istorja qisu lbieraħ.

Spjega li “Kien hemm periklu li wieħed mill-bullets tagħna tolqot lilu, tgħaddi minn ġo fih u tolqot lin-nies tal-familja li kienu hemm jissupportjaw di d-deċiżjoni, allura ma stajniex nisparaw, ma kienx hemm ‘clear shot’ , imma hu spara u għalija ta’ tifel ta’ tmintax –il sena dik kienet l-ewwel esperjenza trawma.. li rajt.  U tiftakarha fid-dettal iġifieri ta,  issa li qed nitkellmu qed iġġib is-senses lura, qed inxomm li qiegħdin hemm u.. u ta’ tmintax –il sena dik hija xi ħaġa naħseb jiena imprintjatha fuq moħħok lele.”

B’dawn l-esperjenzi fuq moħħu saħaq kif dawn wasslu għall-kundizzjoni trawmatika msejħa PTSD li saħansitra wasslitu biex itemm is-servizz tiegħu mal-armata.

Minkejja dan huwa jgħid li huwa kien lest biex imur jiġġieled fi gwerra.

Hu qal li “Il-gwerra tal-Iraq eżatt kif għaddejt mill-basic training tiegħi faqqgħet.  Voldieri, we knew what we were going in for, voldieri kont lest, apparti li ma jaqbdux jibgħatu tifel ta’ sbatax –il sena, tmintax –il sena mingħajr ma jurihom erba’ vidjos minn tal-passat.  Jiġifieri trid tkun well-prepared imma s-sensittivitá tal-persuna meta jara tibqa’ effett eh.”

Wara sensiela ta’ ljieli bla rqad u wara li moħħu baqa’ jgħix l-agħar esperjenzi tal-gwerra, fl-aħħar erba’ snin Marc saħaq li sab għajnuna kbira mis-sevizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna, tant li llum għeleb għal-kollox din il-kundizzjoni.

Illum huwa jgħix ħajja normali kemm bħala persuna attiva fl-isport tal-boxing f’pajjiżna kif ukoll bħala raġel tal-familja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend