Wara li DBRS u Moody’s taw żewġ ċertifikati t’eċċellenza għal qagħda ekonomika ta’ Malta, kien imiss lil Fitch terġa’ tikkonferma r-rating ta’ A+ għall-ekonomija Maltija.
Filfatt ix-xahar li għadda Fitch diġa kienet tat dan ir-rating wara li kienet għollietu f’Awwissu li għadda, madankollu din l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu ħasset li wara li DBRS u Moody’s kkumentaw b’pożittiv dwar pajjiżna, hi wkoll tingħaqad magħhom u titkellem dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Filfatt fl-aħħar rapport tagħha, Fitch qalet li għal din is-sena qed tbassar li pajjiżna se jirreġistra tkabbir ekonomiku li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra.
Bi kliem ċar daqs il-kristall, Fitch qalet li s-suċċess ekonomiku jirrifletti li f’Malta taħdem is-saltna tad-dritt u l-ħidma effettiva tal-Gvern Malti.
Skont Fitch fl-ewwel tlett kwarti tas-sena li għaddiet il-prodott domestiku gross kiber b’sebgħa punt tnejn fil-mija.
Dan riżultat ta’ żieda fl-esportazzjoni u tnaqqis minimu fl-importazzjoni.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-pajjiż mistenni jkompli jsostni s-surplus reġistrat b’medja ta’ kważi għaxra fil-mija tal-prodott domesitku gross.
Dwar il-finanzi pubbliċi, Fitch qalet li matul din is-sena s-surplus mistenni jibqa’ kostanti bir-rata ta’ wieħed punt ħamsa fil-mija tal-prodott domestiku gross.
Qalu li d-dejn pubbliku u r-rata tal-inflazzjoni komplew jinżlu filwaqt li rrimarkaw li s-settur bankarju f’pajjiżna huwa wieħed b’saħħtu.
Fitch temmet tirrikonoxxi kif ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hija fost l-inqas fiż-żona ewro.
Sadanittant il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna laqa’ b’sodisfazzjoni din l-aħħar stqarrija ta’ Fitch.
Spjega li l-konklużjonijiet ta’ Fitch ikomplu fuq dawk t’aġenziji oħra li jsostnu dwar il-klima ekonomika pożittiva li Malta qed tibqa’ tgawdi minnha.