Stati li baqgħu barra mill-politika ta' difiża tal-UE ma għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta' aktar infiq fid-difiża | One News

Notifiki

Stati li baqgħu barra mill-politika ta’ difiża tal-UE ma għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta’ aktar infiq fid-difiża

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-istati membri li għażlu li jibqgħu barra mill-politika komuni ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta’ nefqa akbar fid-difiża. L-Ewroparlamentari qal dan f’intervent fuq il-mozzjoni dwar ir-riżultat tal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Frar li ddiskutiet il-prijoritajiet politiċi tal-baġit tal-Unjoni wara l-2020. Il-Kunsill qabel dwar nefqa akbar għat-trażżin tal-immigrazzjoni illegali, għad-difiża u s-sigurta` kif ukoll għall-programm Erasmus+.

Dr Sant qal li sa issa l-Unjoni Ewropea għadha mhix unjoni militari.

“In-nefqa tad-difiża għandha tibqa’ separata mill-qafas finanzjarju komuni tal-Unjoni Ewropea. B’hekk dawk li jridu jipparteċipaw f’unjoni ta’ difiża jkunu jistgħu jagħmlu dan, mingħajr ma jimponu piż żejjed fuq dawk l-istati membri li jixtiequ li ma jipparteċipawx. Meta nipproponu riżorsi għall-iffinanzjar tal-UE, is-sensitivitajiet ekonomiċi ta’ kull stat membru għandhom ikunu rrispettati. Bl-istess mod, prijoritajiet ġodda li jeħtieġu finanzjament ma għandhomx jiddegradaw il-koeżjoni bħala għodda kruċjali għal politika Ewropea. Iridu jikkonsidraw il-kostituzzjonijiet differenti tal-istati membri. Id-difiża issa għal xi wħud saret prijorita`. L-Unjoni Ewropea għalissa għadha mhix għaqda militari.” qal l-Ewroparlamentari.

Malta, id-Danimarka u r-Renju Unit iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-ftehim ġdid tal-UE dwar id-difiża u s-sigurta`.

Dr Sant qal li minħabba l-prijoritajiet ġodda u l-ħofra li se toħloq il-Brexit, hemm il-ħtieġa li jinsabu metodi oħra għal finanzjament tal-qafas finanzjaru li jmiss. Dr Sant tkellem ukoll dwar l-għamla tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura li jmiss, inkluż l-‘Spitzenkandidaten’ – il-proċess li bih ikun elett President ġdid għall-Kummissjoni Ewropea. Dan ukoll ġie diskuss fil-laqgħa informali tal-Kunsill.

“Din il-kwistjoni għandha tingħata aktar konsiderazzjoni kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill. Iż-żewġ partijiet qed jassumu ħafna affarijiet dwar id-demokrazija u l-leġittimita` politika li ftit jew xejn tappella għal poplu Ewropew.” saħaq Dr Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend