Il-Maltin għażlu valuri b’saħħithom – One News

Notifiki

Il-Maltin għażlu valuri b’saħħithom

Fl-aħħar snin il-Maltin għamlu għażliet ċari favur valuri b’saħħithom li kienu implimentati grazzi għall-politika tal-gvern.  Fost dawn il-valuri hemm dawk tal-opportunitajiet lil kulħadd, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, il-ħajja u l-ambjent.

Qalu dan id-deputati Laburisti Rosianne Cutajar u Stefan Zrinzo Azzopardi meta fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista rreferew għal sensiela ta’ dikjarazzjonijiet li l-PN tilef l-elezzjoni li għaddiet għax il-Maltin ma jagħtux każ il-valuri bħalma jagħmlu l-Ewropej.

Il-kelliema ddeskrivew li dawn il-kummenti, fosthom mid-Deputat David Stellini, huma kummenti klassisti li m’għadx hemm posthom fil-politika Maltija. Semmew kif il-Maltin huma nies onesti u kburin pajjiżhom.

Fuq kollox, iż-żewġ kelliema għamlu referenza ċara għal valuri li għażlu l-Maltin fl-aħħar snin.

Fost oħrajn il-Maltin għażlu il-valur tal-ugwaljanza.  Fejn dan il-gvern daħħal drittijiet ċivili mingħajr preċedent.

Dan filwaqt li l-gvern mexxa ‘l quddiem liġijiet importanti bħal dawk kontra l-vjolenza domestika u l-emanċipazzjoni tal-mara inkluż fis-suq tax-xogħol.

Dan hu gvern li għandu l-valur tal-ġustizzja. Fejn issewwew inġustizzji li kienu ilhom jeżistu snin bħal dawk ma’ ħaddiema tal-korpi u pulizija.

Iktar minn hekk irriformajna liġijiet bħal dawk ta’ drogi fejn tajna t-tieni ċans lill-vittma u konna iebsin iktar mal-kriminal.

Dan hu gvern li ta importanza l-valur tal-ħajja. B’servizzi tas-saħħa aħjar u billi daħħalna s-servizz tal-IVF fis-settur pubbliku u għexieren ta’ familji kellhom wild għall-ewwel darba. “Dawk mhux valuri?” qalet Rosianne Cutajar.

Il-Maltin għażlu l-valur tal-opportunitajiet, żied Stefan Zrinzo Azzopardi.

Kien spjegat kif għandna t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa mhux  kumbinazzjoni, iżda għax ibbażat fuq il-valur tal-opportunitajiet għenna n-nies joħorġu fid-dinja tax-xogħol.

Dan b’miżuri bħal in work benefit u t-tapering tal-benefiċċji u ċ-child care universali mingħajr ħlas.

Saret referenza wkoll lejn is-settur tal-ambjent f’ġimgħa importanti għall-ambjent din li qegħdin fiha b’politika ġdida fil-qasam tal-iskart u l-politika nazzjonali tal-agrikoltura.  Oqsma oħra li ngħataw prijorità huma l-edukazzjoni u l-pensjonijiet.

“Dan hu moviment li jinsab mixi ‘l quddiem. Dan hu moviment li jwassal iktar ġid għal kulħadd,” temm jgħid Stefan Zrinzo Azzopardi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend