Il-Pulizija arrestat dalgħodu disa’ persuni fosthom imprendituri Maltin li allegatament kienu involuti sa mnifsejhom f’ċirku organizzat ta’ traffikar uman fil-qasam tal-industrija tat-tindif.
One News jinsab informat li n-network bejn il-Maltin u l-barranin kien qed jorganizza traffikar ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi Asjatiċi biex jaħdmu f’Malta f’kundizzjonijiet ta’ sfruttament.
Dwar dan il-każ, il-Pulizija tkellmet ma’ erbatax-il persuna allegati vittmi ta’ traffikar uman.
Il-każ ġiet irrapportat lill-Pulizija l-Ħamis waranofsinhar wara ħidma intensiva minn Identity Malta. Dan wara li xhur ilu bdiet tagħrbel b’reqqa kbira l-applikazzjonijiet li bdew isiru minn imprendituri lokali għall-permessi ta’ residenza u xogħol minn persuni barra mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-tindif.
Kien bis-saħħa ta’ dawn il-verifiki li erbatax-il persuna Asjatika u li jaħdmu mal-istess kumpanija f’Malta setgħu sfaw vittmi ta’ traffikar uman.
L-informazzjoni miġbura minn Identity Malta għenet lill-Pulizija sabiex tiġbor l-evidenza meħtieġa marbuta mal-każ u tinfetaħ inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li diġà bdiet tisma’ x-xhieda tagħhom.
Identity Malta qalet li f’dan l-istadju mhux eskluż li tinġabar aktar evidenza minn aktar ħaddiema barranin li jaħdmu mal-istess kumpanija sabiex tintuża fl-istess investigazzjoni.
Immedjatament mill-bidu tal-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet Maltin assiguraw li tingħata l-assistenza neċessarja lil persuni li huma potenzjalment vittmi ta’ traffikar u li kkollaboraw mal-Pulizija.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza ingħad li l-Asjatiċi mistennija jingħtaw protezzjoni kemm-il darba jiġi kkonfermat li kienu vittmi ta’ traffikar uman.
Identity Malta tenniet l-impenn tagħha sabiex filwaqt li jkunu ffaċilitati l-proċessi amministrattivi, tkompli tħarrax il-ġlieda tagħha kontra d-diversi forom ta’ traffikar uman.
Dan kien it-tieni każ fi ftit xhur li Identity Malta rnexxielha tkisser ċirku ta’ traffikar uman.
F’ tweet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia faħħret ix-xogħol ta’ Identity Malta b’ rabta ma dan l-arrest.
I applaud @identitymalta for their extensive work during the last weeks & hours. An alleged case of #humantrafficking has been flagged up and brought to court with 14 victims giving their testimonies in a magisterial inquiry . @MaltaPolice made 9 arrests related to this case.
— Julia Farrugia Portelli (@JuliaFarrugia) March 2, 2018