Il-mod kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ħalla lil Beppe Fenech Adami imexxi l-PAC li qed jinvestiga l-operat tal-Wasteserv, meta hu wieħed minn sensiela ta’ deputati li nkixfu f’xibka ta’ ndħil u pressjonijiet politiċi, juri kif is-suppost mod ġdid ta’ Delia hu agħar minn ta’ qablu.
Sostnew dan id-deputati Robert Abela u Alex Muscat li huma wkoll membri tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Irreferew għal-laqgħa tal-PAC tal-bieraħ fejn Beppe Fenech Adami aġixxa b’mod agressiv meta ffaċjat bil-fatti li ħarġu dwaru f’gazzetta nhar il-Ħadd li għadda.
Id-deputat Robert Abela fakkar kif f’leġiżlatura preċedenti kien hemm deputati li ma baqgħux imexxu l-PAC tul proċeduri li kienu se jixhdu fihom. Iżda, issa lanqas din id-diċenza m’għad għandu l-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia li qed inaqqas u mhux iżid l-istandards fil-politika. Standards li għall-Partit Nazzjonalista diġa’ kienu baxxi.
Agħar minn hekk Adrian Delia dalgħodu ddefenda lil Beppe Fenech Adami u d-deputati l-oħra tiegħu meta qal li dawn għamlu biss rakkomandazzjonijiet. Peró l-emails juru li kien hemm indħil u pressjoni politika li lanqas l-amministraturi tal-Wasteserv ma kienu qed jaċċettaw. Emails oħra juri indħil biex ikunu rtirati passi dixxiplinarji. Filwaqt li kitbiet oħra xehdu kif il-Ministri kienu jpartu l-pjaċiri lil xulxin, bl-impjiegi jkun qasam minnhom.
Fuq kollox sostnew il-kelliema tal-Partit Laburista dan hu każ ieħor li juri li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibbiltà biex imexxi l-pajjiż. Għaliex kull darba jispiċċa jagħmel akkużi, imbagħad jinqabad li kien qed jipprova jagħti l-ħaddieħor dak li hu tiegħu u agħar minn hekk meta jinqabad ma jieħu l-ebda passi.