Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddefenda lid-deputat u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Beppe Fenech Adami kien wieħed mid-deputati nazzjonalisti, li għamel pressjoni fuq it-tmexxija tal-Wasteserv sabiex jidaħħlu nies jaħdmu fl-entita. Dan joħroġ minn emails zvelati mill-Malta Today.
Iffaċċjat mill-ġurnalisti dwar dan il-kaz li seħħ taħt it-tmexxija l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Adrian Delia qal li ma jsibx problema għax saru r-rakkomandazzjonijiet.
“Pero mid-dokumentazzjoni pubblika li rajt jien ma jirrizultax lanqas dak li qiegħed tgħid int għax kien hemm rakkomandazzjoni”, qal il-Kap Nazzjonalista.
Adrian Delia ddefenda l-aġir tad-deputati nazzjonalisti li għamlu indħil dirett sabiex jiddaħħlu persuni qrib l-Partit Nazzjonalista jaħdmu fil-Wasteserv.
“Imma dawn għamlu pressjoni ? Ma jirrizultax li għamlu pressjoni”, qal Delia.
Mistoqsi dwar Beppe Fenech Adami, Adrian Delia qal li tkellem miegħu u dan m’għamel xejn ħazin.
“Ha nwieġbek fuq Fenech Adami partikolari. Jien naf għax kellimtu. Għamel biss rakkomandazzjonijiet,” qal Delia.
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li huwa komdu b’Beppe Fenech Adami li jiqba’ fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Kumitat li qiegħed jagħmel investigazzjoni dwar l-ingaġġ ta’ persuni fil-Wasteserv.
“Ħa ġegħlu jitlaq mill-kumitat? Assolutament ma jirrizulta li għamel xejn ħazin”, qal Delia.