Id-dħul finanzjarju ta' Malta bit-taxxi jonqos bin-nofs bi proposti ġodda dwar tassazzjoni fl-UE | One News

Notifiki

Id-dħul finanzjarju ta’ Malta bit-taxxi jonqos bin-nofs bi proposti ġodda dwar tassazzjoni fl-UE

Id-dħul finanzjarju li fuqu Malta tiċċarġja t-taxxi jew li huwa taxxabbli se jonqos bin-nofs bi proposta ġdida dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-UE li ġiet approvata fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON). Fl-ECON saret votazzjoni biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal sistema ta’ kontabilità komuni għal kif id-ditti jirrapportaw il-finanzi tagħhom (imsejħa CCTB). Din hi maħsuba biex fost affarijiet oħra tressaq is-sistemi ta’ taxxa fil-pajjiżi membri qrib ta’ xulxin u mhix fl-interess ta’ Malta. Dil-proposta issa se titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.

Alfred Sant ivvota kontra dawn il-proposti, bħalu għamlu Ewroparlamentari minn stati membri żgħar fl-UE fosthom minn Ċipru u l-Irlanda. Il-mozzjoni għaddiet b’maġġoranza komfortabbli.

Rapport minn ‘Tax Justice Network’ (TJN) jgħid li Malta tista’ titlef aktar min-nofs il-‘corporate tax base’ (dħul finanzjarju li fuqu jiġu ntaxxati l-kumpaniji tagħha) jekk il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri proposti fl-ECON. Ir-rapport jiżvela li “grupp ta’ pajjiżi żgħar tal-UE, li jinkludi r-Repubblika Ċeka, l-Portugall u l-Isvezja jistgħu jistennew li l-corporate tax bases tagħhom jiċkienu b’terz, bit-tax base ta’ Malta, Slovenia u l-Estonia tinxtorob b’aktar min-nofs f’termini ta’ loss-consolidated tax base (dħul taxxabbli li minnu jitnaqqsu jew jiżdiedu l-profitti jew telf magħmula mal-UE kollha kemm hi) minħabba l-formula li tintuża biex jitkejlu l-profitti u t-telf fis-CCCTB.” It-‘Tax Justice Network’ huwa grupp ta’ riċerkaturi fl-oqsma tal-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni fit-taxxa u t-tax havens.

Il-‘Common Consolidated Corporate Tax Base’ (CCCTB) ġiet approvata bi 38 vot favur, 11-il vot kontra u 5 astensjonijiet. Miżura oħra separata imma li toħloq il-bażi għal sistema armonizzata ta’ taxxa korporattiva – il-Common Corporate Tax Base – ġiet approvata b’39 vot favur, 12 kontra u 5 astensjonijiet.

Dr Sant qal lill-Grupp tal-S&D, li kien favur dawn il-proposti, li hu jaqbel elementi fiż-żewġ proposti bħal miżuri li jżidu t-trasparenza fit-taxxa jew oħrajn li jiddefinixxu aħjar il-preżenza diġitali fl-UE. Iżda enfasizza li ma jaqbilx assolutament mal-prinċipju ta’ sistema ta’ taxxa komuni għall-UE kollha. “Dan idgħajjef is-sovranita` tal-gvernijiet nazzjonali tal-UE fid-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ tassazzjoni fil-pajjiżi rispettivi tagħhom,” saħaq Dr Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend