Raġel ta’ ħamsa u ħamsin sena mill-Pieta qed isofri minn ġrieħi gravi wara li safa milqut minn xarabank fil-Furjana.
L-inċident seħħ fis-sebgħa neqsin kwart tas-Sibt filgħaxija f’Saint James Ditch. Il-Pulizija mid-Distrett tal-Belt Valletta marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li l-vittma intlaqa minn vettura tat-tip Otokar li kienet qed tinstaq minn mara ta’ sebgħa u erbgħin sena mill-Mosta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.