L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, se żżid erbatax-il siġra ġdida mal-lista tas-siġar protetti.
Dan permezz ta’ emendi fil-liġi eżistenti li bħalissa għaddejja konsultazzjoni dwarha, kif spjegatilna Claire Cordina Borg, Manager fi ħdan l-ERA.
Fost is-siġar bl-ogħla livell ta’ protezzjoni żdiedu fost oħrajn iċ-Ċirasa Salvaġġa u l-Balluta, u fit-tieni skeda nsibu ċ-Ċipress, it-Tuffieħ Salvaġġ, l-Oleandru, u s-Siġar tal-Lewż u r-Rummien.
Cordina Borg spjegat li hemm distinzjoni bejn siġra u oħra, skont il-valur li għandha fl-ambjent Malti. B’regolamenti ġodda li jħarsu anke ċertu siġar f’żoni urbani.Biex ikun iktar ċar liem siġar jistgħu isiru interventi fuqhom, u x’tip ta’ intervent, tnieda wkoll dokument ta’ konsultazzjoni b’linji gwida.
Fost ir-regoli hemm li fuq siġra b’livell ta’ protezzjoni, l-interventi jkollhom isiru minn persuna liċenzjata.
Qalet li “Bi ħsiebu jghallem u jaghti gwida ta kif ghandhom isiru interventi fuq is-sigar – minn fejn taqta, meta ghandek thawwel, x’toqba jrid ikollha il-ħamrija biex sigra tikber sew. U gwidi bhal dan.”
L-emendi fil-liġi jfissru wkoll żieda fil-pieni għal min jagħmel interventi mingħajr l-awtorizzazzjoni.
Reat, bħal qerda totali ta’ siġra protetta, tista’ twassal għal penali sa ħamsa u tmenin elf ewro. Filwaqt li reati oħra li ma jwasslux għall-qerda tas-siġra jwasslu għal penali sa ħamsa u tletin elf ewro. (hemm fid-dok)
Fid-dawl li qed tiżdied il-protezzjoni anke f’żoni urbani, staqsejna x’inhi l-pużizzjoni tal-ERA dwar is-siġar li tneħħew fil-Marsa.
Dlonk, is-Sinjura Cordina Borg spjegat li hemm siġar aljeni li f’pajjiżna jaffettwaw l-ambjent ta’ madwarhom b’mod negattiv.
Cordina Borg qalet li “Dawk is-sigar li nqalghu mill-Marsa huma ta’ dan it-tip. Huma sigar li huma aljeni, ma jinstabux b’mod naturali hawn Malta, u allura m’hemmx ghalfejn li l-ERA kellha tipprotegi dawn is-sigar.”
Il-konsultazzjoni dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar tagħlaq fl-ewwel ta’ Marzu, u għaldaqstant in-nies imħeġġa tipparteċipa billi tagħmel kuntatt mal-ERA, biex ikunu protetti l-ambjent u s-siġar u l-ambjent ta’ pajjiżna.