L-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista dwar governanza tajba tkompli toħroġ fil-beraħ.
Emails ippublikati fil-Malta Today żvelaw sensiela ta’ korrispondenzi mill-2009 sa lejliet l-elezzjoni tal-2013; sabiex dawk tal-qalba fosthom l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-eks Ministri George Pullicino, Jason Azzopardi, Chris Said u Giovanna Debono jaġevolaw lill-kostitwenti tagħhom billi jtuhom xogħol fil-kumpanija WASTESERV.
F’dawn l-emails, uffiċjali mis-segretarjat privat ta’ Lawrence Gonzi talbu lill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserve Vince Magri sabiex erba’ applikanti jingħataw xogħol magħha.
Il-ġurnal jiżvela kif minkejja li ntbagħtu numru ta’ emails – fosthom mingħand Ray Bezzina – li kien jifforma parti mis-segretarjat tal-Ministru George Pullicino – dawn l-erba’ applikanti baqgħu iġebbdu sas-sajf tal-2009. B’każ minnhom li jitratta dwar ċertu Cedric Muscat, kien hemm l-involviment dirett tad-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli li dak iż-żmien kienet Direttur fil-Wasteserv.
F’email li ntbagħtitilha mill-kandidat Nazzjonalista għall-kunsilli lokali Josef Gauci, huwa semma li kkuntattja lis-Segretarja Privata ta’ Lawrence Gonzi-Monica Mizzi fejn qawwietlu qalbu li dan Cedric Muscat kien ser jingħata impjieg mal-WasteServe fi żmien ġimgħatejn.
Dan ma kienx l-uniku każ ta’ involviment dirett minn Marthese Portelli- hekk kif f’Diċembru tal-2009, saritilha talba għall-impjieg mill-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi.
F’każ separat, tliet ġimgħat ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali, l-istess Monica Mizzi bagħtet email lil Ray Bezzina – fejn fiha kien hemm ikkopjat il-Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien mas-Sinjura tiegħu Kate Gonzi – biex idaħħal tliet persuni oħra l-WasteServe.
Il-kobba kompliet titħabbel hekk kif l-indħil fl-ingaġġjar fil-WasteServ kompla jiġi ddominat mill-eks ministri Nazzjonalisti Giovanna Debono u George Pullicino – b’dan tal-aħħar talab lill-Vincent Magri sabiex il-WasteServ terġa tikkonsidra l-kaz ta’ individwu li tkeċċa wara li nqabad jisraq.
F’Ġunju tal-2010, is-segretarjat tal-ministeru tar-riżorsi kien ressaq lista ta’ 18-il kandidat prospettiv għall-intervista sabiex eventwalment dawn ikollhom impjieg fl-impjant ta’ Sant Antnin.
Beppe Fenech Adami ma ddejjaq xejn juża l-email personali tiegħu minflok dak tal-parlament, fejn talab sabiex individwu jingħata xogħol klerikali fl-istess Wasteserve. Manuvra simili saret minn Claudio Grech li dak iż-żmien kien għadu jaħdem fis-segretarjat ta’ Austin Gatt. Sadanittant, id-deputat nazzjonalista Fredrick Azzopardi f’email talab li jiddaħħlu 7 kostitwenti tiegħu b’sigħat imnaqqsa.
Fl-2011, jidher li s-sitwazzjoni fil-Wasteserve beda jberraq. F’email li ntbgħatet mill-Kap Eżekuttiv u li fiha kien issemma’ d-deputat Chris Said. Said li wkoll bagħat emails biex jiddaħħlu kostitwenti tiegħu.
Però l-każijiet ma waqfux, hekk kif sa lejlet l-elezzjoni ta’ Marzu elfejn u tlettax, baqgħu deħlin talbiet biex jissodisfaw it-talbiet personali ta’ dawk li tagħhom riedu jassiguraw il-vot.