Żewg agenziji internazzjonali ta’ kreditu, Moody’s u DBRS, taw upgrade fl-outlook u fir-rating ekonomiku ta’ pajjizna, f’rapporti separati ħarġu l-Ġimgħa fil-għaxija.
Wara li f’Awwissu li għadda l-aġenzija DBRS tejbet l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna, l-esperti ta’ din l-aġenzija issa għazlu li jgħollu r-rating ta’ Malta minn A għal A High. Dan huwa l-ogħla rating li qatt tat din l-aġenzija lil pajjiżna.
B’mod separat, fl-istess ġurnata, l-aġenzija Moody’s irrevediet l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna minn “A3 stable” għal “A3 positive”. Dan huwa l-ewwel moviment pożittiv fir-rating ta’ pajjiżna minn din l-aġenzija minn Ottubru 2013 ’il hawn. Dan wara li bejn l-2008 u l-2013 din l-aġenzija kienet naqqset ir-rating ta’ pajjiżna darbtejn.
L-upgrade fir-rating mid-DBRS jirrefletti t-titjib sostanzjali li seħħ fil-finanzi pubbliċi. L-esperti tad-DBRS irrimarkaw “since DBRS’s latest review, the projection of the general government debt ratio has been materially revised downwards due to more favourable growth prospects and stronger primary balances in coming years”. Tant li issa d-DBRS qed tbassar li d-dejn ta’ pajjiżna ser jonqos għal 41% tal-ġid nazzjonali sal-2022, jew 7 punti perċentwali anqas mit-tbassir preċedenti. Id-DBRS isostni li “the general government is expected to have over-achieved its fiscal targets in 2017”.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tkompli b’kampanja negattiva kontra pajjiżna, l-esperti tad-DBRS intitolaw l-analiżi ekonomika taghhom “The Maltese economy continues to power ahead”. Huma sostnew li l-andament ekonomiku qed ikompli jissorprendi u li pajjiżna “remains one of the top performers in the euro area”. Ir-rapport jiddeskrivi r-riżultati riċenti bħala “remarkable”, bil-ġid nazzjonali jikber bejn l-2013 u l-2017 bi tliet darbiet ir-rata ta’ tkabbir ta’ bejn l-2004 u l-2012. L-analisiti tad-DBRS innuttaw ukoll li filwaqt li s-settur tal-gaming qed ikollu rwol importanti, huma diversi s-setturi li qed jiġġeneraw dan ir-riżultat.
B’kuntrast għal dawk li qed imexxu kampanja kontra l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-esperti barranin tad-DBRS igħidu li “Malta’s political environment is broadly stable”. Skont id-DBRS “the government is making additional efforts to improve governance and strengthen its institutional framework”.
Fl-istqarrija tagħha, l-aġenzija Moody’s spjegat li d-deċiżjoni li ttejjeb l-outlook għar-rating ta’ pajjiżna kienet dovuta għal żewġ fatturi. L-ewwel fattur kien “Malta’s improving fiscal strength, due to a sustained pace of public sector debt reduction supported by prudent fiscal policy and containment of contingent liabilities”. Dan imur għal kollox kontra d-diskors tal-Oppożizzjoni li mhux veru sar titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Gvern u l-aġenziji tiegħu.
Il-Moody’s qed ibassru li s-sena li għaddiet il-Gvern laħaq surplus ta’ 1.5% tal-ġid nazzjonali, kontra defiċit ta’ 3.5% fl-2012. Filwaqt li nnuttaw li parti mit-titjib kien dovut għad-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, l-akbar parti kienet ġejja minn “fiscal consolidation efforts and sustainably strong economic performance”. Tant li l-analisti tal-Moody’s sostnew li “if sustained, the improvement in fiscal strength will support the assignment of an A2 rating”.
It-tieni fattur li wassal għal titjib fl-outlook tar-rating ta’ pajjiżna kien “robust medium-term growth prospects supportive of further improvements in fiscal metrics in future”. Filfatt l-analisti tal-Moody’s jgħidu li mqabbel mat-tbassir tagħhom sena qabel, fl-2017 l-ekonomija Maltija kibret bi tliet punti perċentwali aktar milli mistenni.
Il-Moody’s innotat ukoll ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna naqset għal livell rekord. Fost l-iżviluppi pożittivi li nnuttaw l-esperti tal-Moody’s jispikkaw “measures implemented in recent years targeting the labour market” kif ukoll “substantial progress has been made in diversifying Malta’s energy sources and increasing energy efficiency”.
Fi stqarrija, il-Gvern jilqa’ dawn l-aħħar ċertifikati pożittivi għal pajjiżna, magħmula minn osservaturi indipendenti. It-titjib fil-finanzi pubbliċi, fil-qagħda ekonomika u fil-governanza li jinnutaw l-aġenziji ta’ kredtu internazzjonali huwa inkorraġġanti, u l-Gvern jara dan bħala bażi soda għal aktar titjib fiż-żmien li ġej.
Thank you to all the hard working people of #Malta for their everyday committment leading to exceptional, internationally recognised results. @DBRSRatings now upgraded us to A-High, at par with #Ireland and above #Japan, while @MoodysInvSvc changed outlook to positive -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) February 24, 2018