Din il-ġimgħa, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa organizzat laqgħa dwar it-tilqim f’Podgorica għall-ministri tas-saħħa tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien mistieden sabiex jindirizza din il-laqgħa u jagħti redikont ta’ kif Malta, bħala pajjiż żgħir Ewropew, irnexxielu jkollu tant suċċess f’dan il-qasam.
Il-Ministru Fearne spejga kif il-gvern Malti għandu sistema ċentralizzata ta’ xiri ta’ vaċċini, li tfisser użu aktar effiċjenti tal-budget tal-gvern. Spjega wkoll kif numru kbir ta’ tilqimiet jingħataw mingħajr ħlas lil residenti Maltin sabiex tkompli tkun imħarsa s-saħħa pubblika f’pajjiżna. Il-Ministru ta wkoll aġġornament dwar ix-xogħol tal-Valletta Group, li hi inizjattiva li bdiet waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li qed tgħaqqad numru ta’ pajjiżi Ewropej fuq in-negozjar ta’ prezzijiet ta’ mediċini ġodda.