Id-dikjarazzjoni tad-deputat Nazzjonalista David Stellini dwar kif il-poplu Malti m’għandux valuri għax jappoġġja lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, turi sens ta’ arroganza li ma tindika ebda mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista, qal fi stqarrija l-Partit Laburista.
Mistoqsi dwar l-appoġġ li l-Prim Ministru għad għandu fost il-poplu Malti Stellini dlonk qal li l-poplu Malti hu “profit driven” u indika b’mod ċar li jinteressah biss mis-sitwazzjoni personali tiegħu.
Il-Partit Laburista qal li l-għażliet tal-poplu Malti fl-aħħar snin u xhur waslu biex illum Malta tinsab f’pożizzjoni aħjar kif reġa’ kien ikkonfermat fl-aħħar sigħat.
Dan fis-setturi diversi, minn dawk soċjali għal dawk ekonomiċi u dawk tal-libertajiet ċivili. Il-Partit Laburista tenna iżda, li għal Partit Nazzjonalista dawn m’għandhomx valuri u għalihom l-uniku valur u dak li jkunu fil-poter huma u sakemm ma jkunx dan il-maġġoranza qiegħda fil-ħażin.