Il-Gvern jagħti struzzjonjiet biex jinħatar Sindku fil-KL ta’ San Pawl il-Baħar skont deċiżjoni tal-Qorti – One News

Il-Gvern jagħti struzzjonjiet biex jinħatar Sindku fil-KL ta’ San Pawl il-Baħar skont deċiżjoni tal-Qorti

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għamel użu mis-setgħat mogħtija lilu taħt l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, u abbażi ta’ dak deċiż mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fuq bażi prima facie fid-digriet tagħha tas-6 ta’ Frar 2018 fl-atti tal-Mandat ta’ Inibizzjoni numru 69/2018JZM, u ta struzzjonijiet biex il-post ta’ sindku jimtela minn dik il-persuna tal-istess partit li tkun ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-sindku li jkun qed jispiċċa mill-kariga.

Dan sar minħabba li l-Gvern jinsab preokkupat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni li nħolqot fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed ikollha impatt kemm fuq il-ħaddiema tal-kunsill lokali, kif ukoll fuq it-twettiq tal-funzjonijiet tal-kunsill fil-lokalità, liema servizzi l-pubbliku għandu kull dritt li jippretendi li jingħataw bl-aħjar mod.

Id-direzzjoni ngħatat ukoll biex is-sitwazzjoni preżenti ma titħalliex tippersisti iżjed minħabba proċeduri legali ulterjuri.

Għalhekk, l-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv, b’konsultazzjoni mal-iktar kunsillier anzjan li jaċċetta l-kariga li jmexxi laqgħa, għandhom immedjatament jassiguraw li tissejjaħ laqgħa urġenti tal-kunsill lokali biex jiġu eletti sindku u viċi sindku skont din id-direzzjoni mogħtija mill-Ministru Bonnici, u jittieħdu l-passi kollha amministrattivi sabiex il-funzjonijiet tal-kunsill lokali jkunu qed jinqdew.

Il-Gvern jappella lill-Oppożizzjoni sabiex, bl-istess mod, iġġib l-interess tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar l-ewwel u qabel kull konsiderazzjoni oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss