3 ftehimiet kollettivi bejn TM u l-UHM li jtejbu l-kundizzjonijiet ta' 565 ħaddiem | One News

Notifiki

3 ftehimiet kollettivi bejn TM u l-UHM li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ 565 ħaddiem

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg laqa’ fil-ministeru tiegħu lil Transport Malta u lill-UĦM Voice of the Workers, flimkien mar-rappreżentanti ta’ din il-union li huma ħaddiema tal-istess entità, biex jiġu ffirmati tliet ftehimiet kollettivi bejn iż-żewġ partijiet.

Il-Ministru Borg beda billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu b’dawn il-ftehimiet, li se jkunu qegħdin itejbu l-kundizzjonijiet ta’ 565 ħaddiem u ħaddiema ta’ rwoli u gradi differenti fi ħdan Transport Malta. Huwa spejga kif dawn se jibbenifikaw minn diversi affarijiet, fosthom żidiet fis-salarju, aktar opportunitajiet għall-progress fil-karriera, u benefiċċji soċjali favur is-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali tal-ħaddiema.

Iż-żieda fis-salarju se tkun ta’ medja ta’ 2.5% għall-ħaddiema kollha milquta minn dawn il-ftehimiet, li jiswew għal ħames snin, jiġifieri mill-2016 sal-2020. Il-kundizzjonijiet tal-ftehimiet jinkludu, żieda fil-flessibilità, speċjalment fejn tidħol it-taqsima tal-infurzar, minħabba l-esiġenzi tax-xogħol involut, filwaqt li se jsiru wkoll aktar flessibbli l-kundizzjonijiet tas-servizzi tas-support. Il-pakketti tas-salarju huma maħsuba biex jippremjaw lil dawk il-ħaddiema li ilhom snin jaħdmu qatigħ ma’ din l-entità, filwaqt li jiġbdu lejha ħaddiema ġodda sabiex jaqdu l-funzjonijiet li tant hemm bżonn u tkompli titjieb l-effiċjenza. Se jiġi introdott ukoll junior managerial grade, sabiex jiffaċilita l-qabża bejn grad u ieħor favur il-progress ta’ kull ħaddiem.

Il-Ministru qal ukoll li din se tkun l-ewwel darba li ġie iffirmat ftehim kollettiv speċifikament għall-periti ta’ Transport Malta, li se jaffettwa 25 perit minn tliet oqsma differenti fi ħdan l-entità u li permezz tiegħu se jkunu qegħdin jingħataw aktar inċentivi sabiex jaħdmu favur il-konklużjoni ta’ aktar proġetti b’suċċess. Dan se jsir permezz ta’ sistema ta’ premjar finanzjarju f’forma ta’ allowance skont l-objettivi li jintlaħqu f’kull proġett. Fl-istess waqt, il-ftehim tal-periti huwa maħsub li se jkun qiegħed jiġbed aktar lejn l-entità kemm periti b’xi snin ta’ esperjenza, kif ukoll dawk li għadhom kif iggradwaw mill-Università, u għalhekk jistgħu jiksbu l-warrant tagħhom waqt li jkunu qegħdin jaħdmu ma’ Transport Malta.

Il-Ministru Borg saħaq li dan l-iffirmar huwa turija biċ-ċar tal-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, li huma s-sinsla ta’ kull entità. Filwaqt li faħħar lill-ħaddiema preżenti għall-inizjattiva, faħħar ukoll lill-UĦM u lil Transport Malta talli waslu għal din ir-riżoluzzjoni li se tkun qiegħda tibbenefika lil kulħadd. Huwa rringrazzja liċ-Chairman ta’ Transport Malta James Piscopo li ħadem qatigħ għal dawn il-ftehimiet, kif ukoll lin-nies li ħadmu miegħu.  Piscopo kien wieħed mill-firmatorji ta’ dawn it-tliet dokumenti, flimkien mad-direttur tal-UĦM Jesmond Bonello u numru ta’ rappreżentanti u ħaddiema oħrajn.

Is-CEO tal-UĦM Josef Vella kellu wkoll kliem ta’ tifħir għal dawn il-ħaddiema li jagħmlu dan ix-xogħol ta’ rappreżentazzjoni b’mod volontarju, filwaqt li awgura li l-ftehimiet li ġew iffirmati jwasslu għal bosta riżultati pożittivi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend