Il-Gvern permezz tal-Aġenzija Sapport iffirma ftehim mal-Knisja biex tinfetaħ id-disa’ dar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Dan bħala parti minn ħolqa oħra importanti fil-katina tal-proġett soċjetà ġusta li qed isir biex jagħti serħan tal-moħħ lill-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom.Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelic qal li din hija r-raba’ residenza li nfetħet f’din il-leġislatura wara dik ta’ Pembroke, li nfetħet f’Novembru li għadda.
L-aġenzija Sapport ser tkun qed tikri din il-binja mingħand is-sorijiet Franġiskani għal ħmistax-il sena li ġejjin biex tilqa’ fiha disa’ persuni.
One News tkellem ma’ soru fid-dar “Casa Beata Caterina”, li kienet kunvent tas-Sorijiet Frangiskani. Hija esprimiet sodisfazzjon li din id-dar se sservi ta’ għajnuna għal dawk fil-bżonn.
Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jinvesti mija u għoxrin elf ewro f’xogħlijiet maħsuba biex jagħmlu d-dar aktar aċċessibbli fejn fost l-oħrajn, ser tinbidel l-entratura, jitwessgħu l-kmamar tas-sodod u tinbidel l-għamara.
Is-segretarju parlamentari, Anthony Agius qal li l-iskop tad-dar huwa biex persuni b’diżabilità jkollhom ħajja dejjem aktar indipendenti.