Għall-Partit Nazzjonalista, il-Maltin qed jibqgħu jafdaw u jagħżlu lil Joseph Muscat fit-tmexxija tal-pajjiż għax m’għandhomx valuri. Qal dan id-deputat Nazzjonalista, David Stellini meta kien qed jieħu sehem fil-programm XTRA.
Mistoqsi dwar l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li juru li Muscat jibqa’ jikseb fiduċja assoluta, Stellini attribwixxa dan ir-riżultat għax skont hu, in-nies jinteressahom minnhom infushom. Filwaqt li l-Ewropej jinteressahom il-valuri.
Hu qal “Jista’ jkun li int tkun profit driven. Bħala persuna tippreferi li l-profitt għaddej u għandek l-investiment għax il-flus ġejjin. U tista’ tkun persuna values driven.”
Iffaċċjat bid-domandi tal-preżentatur u bosta fatti Stellini kellu jammetti li l-Maltin iħossu li l-pajjiż sejjer tajjeb.
Qal li “Joseph Muscat sejjer tajjeb għax in-nies qed jarawh mill-aspett domestiku. Fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom kuntenti bil-mod kif sejjer il-pajjiż.”
Iżda, għal darb oħra reġa’ insista li fl-Ewropa għandhom iktar valuri.
“Fl-Ewropa hemm ħafna nies li jagħtu importanza lill-valuri.”