F’deċizjoni ta’ mija u sbatax-il paġna, l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji Dr Reno Borg ordna lil Bank of Valletta plc, lil La Valette Fund SICAV plc u lill-BOV Asset Management Ltd iħallsu kumpens ta’ €3.4 miljun għat-telf li għamlu 400 investitur fil-Property Fund.
Fid-decizjoni tieghu l-Arbitru qal li kien inkiser il-Prospett Supplimentari li kienu ħarġu huma stess fejn kienu intrabtu b’ċerti restrizzjonijiet kif kellhom jinvestu flus l-investituri. Barra minn hekk il-BOV li kien il-kustodju tal-fond kien naqas minn dmirijietu meta ma ssorveljax tajjeb l-investiment u ħareġ rapporti skorretti fejn naqas jirrapporta n-nuqqasijiet tal-VFM li kienet kumpanija talistess grupp ta’ kumpaniji. L-istess kumpaniji ma mxewx mal-obbligi kuntrattwali mal-ilmentaturi. Peress li kienet teżisti relazzjoni fiduċjarja bejnhom u l-ilmentaturi naqsu milli jaġixxu ta’ missier tajjeb tal-familja, ma laħqux l-aspettattivi raġonevoli u leġittimi talkonsumaturi u ma mxewx mal-liġi dwar ħarsien tal-konsumatur u ma’ linji gwida u regoli li kienu jeżistu dak iż-żmien u li kienu jorbtuhom. L-Arbitru għamel referenza wkoll għal rapporti li kienet ħarġet l-MFSA fejn sabet li l-kumpaniji involuti kienu għamlu diversi nuqqasijiet u mmultathom dwarhom. Finalment l-Arbitru qal li fit-twettiq immedjat tad-deċizjoni tiegħu, it-tmexxija tal-kumpaniji tal-BOV involuti kellhom jinnotaw l-etá avvanzata ta’ ħafna mill400 ilmentatur li kienu klijenti zgħar u li kien ilhom is-snin jistennew dan il-ħlas.
L-Arbitru sostna li peress li dan il-fond kien inbiegħ mill-Bank of Valletta fuq skala kbira u kienu ntlaqtu ammont kbir ta’ investituri zgħar, it-tmexxija tal-Bank għandha tkun konxja mir-responsabbiltà soċjali tagħha. Filwaqt li l-Arbitru fehem li t-tmexxija tal-provdituri tas-servizz involuti għandhom jimmiraw għal profitti xierqa fl-istess ħin għandhom irresponsabbiltà maniġerjali li jħarsu l-integrità u r-reputazzjoni tal-kumpaniji tal-BOV li wkoll għandhom valur kbir.
Saħaq li n-nuqqas ta’ twettiq immedjat tad-deċizjoni jista’ jwassal għal riskju f’din ir-reputazzjoni. Ir-riskju fit-telf tar-reputazzjoni f’dan il-kuntest jista’ jġorr miegħu responsabbiltà maniġerjali li t-tmexxija talprovdituri tas-servizz involuti għandhom ikunu konxji minnha. Dan il-każ ilu jkarkar is-snin u t-tmexxija tal-provdituri tas-servizz involuti f’dan il-każ għandhom okkażżjoni b’din id-deċizjoni biex jagħlqu dan il-każ malilmentaturi darba għal dejjem. L-Arbitru ddeċieda wkoll li l-ispejjez legali tal-każ għandhom jitħallsu millprovdituri tas-servizz.
Intant il-Gvern innota d-deċiżjoni tal-Arbitru Finanzjarju dwar il-każ ta’ La Vallette Property Fund.
Id-deċiżjoni tal-lum hija frott tat-twaqqif tal-uffiċċju tal-Arbitru li ta l-possibbiltà lill-investituri biex jirrikorru għal dan il-mezz ta’ protezzjoni u reviżjoni.
Il-Gvern, kif sostna mill-bidu, awgura li jittieħdu l-miżuri kollha biex il-każ jingħalaq b’mod spedit.