Il-proġett ta’ restawr fuq il-vara tar-Redentur qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu, wara ħidma ma taqtax twila disa xhur.
Ftit jiem qabel ma x-xogħol ikun inawgurat fit-tlieta ta’ Marzu, One News żar l-aħħar fażi li qed issir mir-restawraturi.
Ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat kif wara li l-vara kienet sudjata, sar x-ray sabiex ikun stabbiliet minn xiex inhi magħmula u l-istat ta’ konservazzjoni.
Lupo spjegat kif “Sibna li ġewwa l istatwa hija magħmula minn seratizz tal-injam li dan ġie miksi bit-tiben u b’sufra imbagħad ma’ dan is-seratizz miegħu ġew imqabbdin l-idejn, is saqajn u rasu mbagħad ġie mlibbes b’tunika, it-tunika li naraw illum.”
Permezz ta’ endoscope, li ddaħħal fl-istatwa sabiex ikun osservat iktar l-intern tal-vara, instab li r-Redentur kellu tunika oħra.
Qalet “Igifieri t-tunika li naraw illum mhix l-oriġinali. F’xi żmien kien sar intervent ta’ restawr fejn għal xi raġuni reġa’ intlibes. Issa aħna ovjament żammjena t-tunika illi hija preżenti, għax l-intervent li sar hija xi ħaġa storika u ma nistgħux immorru lura biex nikxfu xi ħaġa li probabilment qas qiegħda fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni.”
Lupo qalet li ġewwa tal-istatwa nstab fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni, iżda kien hemm xi żoni, speċjalment fil-bażi tal-injam, li ġew imfestati mis-susa, u għaldaqstant, ġew trattati.
Żiedet tgħid li nstab li t-tunika tar-Redentur għaddiet minn ħafna interventi ta’ restawr, fejn ġiet miżbugħa erba darbiet.
Kienu kawti ħafna fuq il-wiċċ, li bla dubju hija l-ikona tal-istatwa kollha. Hawnhekk tneħħa l-ħmieġ u l-għabra li kien hemm fuqha, ikkawżati mid-dħaħen tax-xemgħat.
Lupo qalet li “Qabel l-istwata kellha daqsxejn wiccu kif ukoll sidru sofor. Issa wara li neħħejna dan il-livell ta’ varniċ, raqqaqnih u b’hekk il-kuluri oriġinali tal-istatwa ħarġu ħafna iktar.”
Barra minn hekk, tneħħiet ħafna żebgħa minn fuq il-blat tal-istess statwa. Żebgħa li kienet qed itaqqal iktar lill-vara nnifisha.
Sakemm sar dan kollu, il-poplu, speċjalment dak Senglean, kif kontinwament aġġornat fuq f’liema stadju wasal permezz tal-Arċipriet Dun Robin Camilleri, fejn anke saru diversi inizjattivi fuq hekk.
Dun Camilleri qal li “Kien hemm drabi fejn aħna flimkien mar-restawraturi qbilna li l-Ħadd inħallu r-redentur hawnhekk f’dal post u nħallu l-kanċell miftuħ ħalli jkunu jistgħu jinvistaw bħas-soltu. Imma meta mbagħad beda jgħaddi iktar żmien kelli ninfurmahom li din ma stajnix nibqgħu nagħmluha u allura kellu jerġa jingħalaq il-bieb. Imma mbagħad ħloqna ambjent fin-niċċa tar-Redentur stess permezz ta’ inkwatru sabiħ.”
Ftit tal-jiem ilu, instabu manuskritti fejn fihom kien hemm infomrazzjoni ġdida fuq l-istatwa li tmur lura iktra minn tlett mitt sena ilu.
Ir-riċerka ġdida li se tinstab u kif ukoll il-proċess kollu tar-restawr se jinġabru f’publikazzjoni li se titnieda iktar tard.