Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-diskussjoinjiet dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Malta għas-seba’ snin li jmiss għadhom fi stadju bikri ħafna.
Dr Muscat qal dan waqt li kien qed jattendi għal summit informali tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, li matulu bdiet id-diskussjoni dwar il-pakkett finanzjarju tal-fondi Ewropej fil-Budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li jmiss u li jibdew mill-elfejn u għoxrin.
Muscat qal li “Dan huwa biss il-bidu net tal-proċess.bħall llum ma jkunx hemm deċiżjonijiet.wieħed ikun qed jara fejn qiegħdin bejn wieħed u ieħor il-pajjiżi kollha illi ta’ min ngħid, kulħadd iżomm il-posizzjoni miegħu nnifsu u ma jikxifx ħafna idejh, u malta tagħmel l-istess.”
Il-Prim Ministru qal li minkejja li r-regoli tal-Unjoni Ewropea jistabbilxxu li pajjiż membru jingħata l-aktar għajnuna meta jkollu l-aktar bżonn u f’dawn l-aħħar snin pajjiżna mexa ‘l quddiem permezz ta’ tkabbir ekonomiku rekord, huwa qal li xorta qed jitpoġġew proposti ‘il quddiem biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ Malta.
Il-Prim Ministru qal li “Aħna mxejna ħafna l-quddiem bħala pajjiż speċjalment fl-aħħar snin. Xorta imma mhux qiegħdin naċċettawh l-argument. Nemmnu li hemm u għandna strateġija, għandna argumenti, għandna ideat, li bdejna npoġġu il-quddiem li ħa jkunu qiegħdin jagħmlu sens u nkunu nistgħu nissavagwardjaw il-posizzjoni tagħna bħala malta.”
Mistoqsi dwar il-kritika ta’ wħud, li Malta mhux tagħmel biżżejed storbju rigward il-pakkett finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin, il-Prim Ministru qal li mhux l-istorbju , iżda l-istrateġija u r-riżultati li jgħoddu.
Il-Prim Ministru spjega li bħalissa d-diskussjoni għadha fil-bidu nett u l-pajjiżi kollha, inkluż Malta, jibdew jisimgħu u jesploraw argumenti inizjali .
Dwar is-siġġijiet fil-Parlament Ewropew tar-Renju Unit li mistennija jitbattlu ladarba joħroġ mill-Unjoni Ewropea, Dr Muscat qal li l-proposta tal-Parlament Ewropew dwar kif set jitqassmu hija tajba.
Dwar il-mod kif jiġi elett il-President tal-Kummisjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li li l-pożizzjoni ta’ Malta hija l-istess pożizzjoni bħal tal-Kunsill Ewropew bil-persuna nnominata tmur għall-vot fil-Parlament Ewropew.