Malta hija rinomata għall-istandards għoljin fil-qasam tas-saħħa li kulma jmur qiegħed joħloq aktar opportunitajiet sabiex ikompli javvanza ’l quddiem- b’facilitajiet innovattivi u mill-aktar moderni. Dan saħqitu l-Ambaxxtriċi Amerikana f’Malta Glenna Kathleen Hill f’intervista esklussiva ma’ ONE NEWS fejn qalet li Malta għandha reputazzjoni li toffri servizz tas-saħħa mill-aqwa.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern Malti u l-kumpanija Amerikana Steward Health Care issiġillaw il-ftehim b’rabta mat-tmexxija tat-tlett sptarijiet- Karin Grech, San Luqa u l-Istat Ġenerali t’Għawdex.
Fi kliem l-ambaxxatriċi, dan il-ftehim ser jagħti l-opportunità lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex igawdu mill-avvanzi li t-teknoloġija ser tkun qed toħloq fis-settur mediċinali:
Apparti t-tlett sptarijiet, Steward Health Care ser ikunu qegħdin joffru l-aqwa faċilitajiet lill-istudenti tal-iskola medika Barts f’Għawdex li fi kliem l-ambaxxatriċi diġà qabad ritmu tajjeb tant li diġà rreġistraw ħamsa u erbgħin student.