Membru tal-istaff ta’ skola b’pistola f’idejh malajr itemm attakk – Trump – One News

Notifiki

Membru tal-istaff ta’ skola b’pistola f’idejh malajr itemm attakk – Trump

Il-President Amerikan Donald Trump, jemmen li jekk l-għalliema jkunu permessi jġorru arma tan-nar fuqhom, dan jista’ jnaqqas ħafna mill-attakki li jisru fuq l-iskejjel.

Dan hekk kif ġie rrapurtat li qal li “membru tal-istaff ta’ skola b’pistola f’idejh malajr itemm attakk”.

Trump kien qed jikkummenta fid-dawl tal-attakk li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fi skola fi Florida, meta żagħżugħ ta’ dsatax-il sena daħal jispara fuq studenti u għalliem, u qatel sbatax-il persuna.

Minn dakinhar seħħew għadd ta’ protesti sabiex ikun hemm liġijiet aktar stretti fuq iż-żamma tal-armi tan-nar għall-użu personali, waqt li bosta ġenituri talbu bil-ħniena Trum biex jiżgura li xi ħaġa simili ma terġax isseħħ.

Hu magħruf li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Armi fl-Amerka iffinanzjat bil-qawwi l-kampanja elettorali ta’ Trump, u allura ħafna huma tal-fehema li Trump għandu jdejh marbuta.

Madankollu t-Tnejn ġie rrappurtat li l-President Amerikan jaqbel li jkun hemm spezzjonijiet aktar rigorużi meta wieħed jiġi biex jakkwista azzarin, speċjalment fuq il-kundizzjoni mentali tal-persuna li tixtrih.

F’kummenti li ta, Trump qal li jekk il-liġi tkun tali mod li tipprojbixxi milli jinġarru l-armi, mela min ikun irid iwettaq attakk jiġi vvantaġġjat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend