Fl-analiżi dwar l-Ewropa ta’ Transparency International, ippubblikata fl-aħħar sigħat, Malta mhix fost il-pajjiżi Ewropej fejn hemm problema b’korruzzjoni.
Huma l-Polonja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Ukraina l-pajjiżi fejn Transparency International issemmi diffikultajiet serji li ta’ min wieħed jagħti kashom.
Fil-fatt issir referenza b’saħħitha lejn is-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi.Jirriżulta li minkejja l-kampanji tal-Partit Nazzjonalista dwar korruzzjoni fl-aħħar snin is-sitwazzjoni f’pajjiżna ma marritx għall-agħar.
Mis-sena li nbidel il-gvern, fl-2013, għas-sena li għaddiet, ma kienx hemm żieda fil-perċezzjoni ta’ kemm Malta hu pajjiż korrott. Dawn kienu wkoll snin fejn iddaħħlu diversi liġijiet favur governanza tajba bħal dik tal-finanzjament tal-Partiti u l-whistleblower act.
Fl-indiċi tal-perċezzjoni tal-korruzzjoni li kien ippubblikat ilbieraħ mill-koalizzjoni globali kontra l-korruzzjoni, magħruf aħjar bħala Transparency International Malta kisbet punteġġ ta’ 56. L-istess bħal dak ta’ ħames snin ilu.
Fil-lista hemm 180 pajjiż u Malta ssib postha fis-46 post, qabel pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea oħra bħall-Italja, is-Slovakja u l-Kroazja, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Ungerija. Dan tal-aħħar hu pajjiż fejn il-Parlament Ewropew ried jibgħat missjoni u l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista opponew.
L-inqas pajjiżi fid-dinja fejn hemm perċezzjoni ta’ korruzzjoni huma New Zealand, id-Danimarka, il-Fillandja, in-Norveġja u l-Isvizzera.