Jitressaq abbozz ta’ liġi li jirregola d-dożi ta’ radjazzjoni lill-ħaddiema u lill-pazjenti – One News

Notifiki

Jitressaq abbozz ta’ liġi li jirregola d-dożi ta’ radjazzjoni lill-ħaddiema u lill-pazjenti

L-oqsma nukleari u tar-radjazzjoni f’pajjiżna ser ikollhom għall-ewwel darba qafas regolatorju konformi mal-istandards tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, dan permezz tal-Att dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Protezzjoni mir-Radjazzjoni li llejla għadda mill-istadju tat-tieni qari fil-Parlament.

L-abbozz ta’ liġi jipproponi qafas leġiżlattiv xieraq għall-użu u sikurezza tar-radjazzjoni f’pajjiżna, dan billi jikkonsolida regolamenti eżistenti u jimplimenta r-rekwiżiti tat-Trattat Euratom u d-Direttiva Basic Safety Standards, u konvenzjonijiet u protokolli internazzjonali oħra relatati mas-sigurtà radjuattiva u nukleari.

L-Att se joħloq ukoll Kummissjoni għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni biex taġixxi bħala awtorità kompetenti nazzjonali li topera b’mod indipendenti u awtonomu. Il-Kummissjoni ser ikollha responsabbiltajiet u funzjoni ċara, kif ukoll is-setgħat meħtieġa biex tkun tista’ tissodisfa obbligi internazzjonali; b’hekk proċessi relatati ma’ dawn l-oqsma se jiġu simplifikati u l-partijiet interessati se jirrikorru għand entità governattiva waħda.

Meta ppreżentat dan l-abbozz, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli saħqet li din il-liġi se toffri struttura regolatorja aħjar li tissimplifika l-proċess regolatorju u li tippermetti lir-regolatur jintervjeni fejn neċessarju biex b’hekk jitnaqqsu, skont il-ħtieġa, id-dożi ta’ radjazzjoni lill-ħaddiema, lill-pazjenti,u lill-pubbliku ġenerali. Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ dan l-avvanz, pajjiżna se jara titjib fis-saħħa tal-popolazzjoni billi jiġu indirizzati l-ammonti ta’ radjazzjoni mogħtija u jitnaqqas l-ammont nett ta’ radjazzjoni użata fejn hemm bżonn.

Il-Ministru nnutat li, preżentament, l-istruttura regolatorja f’dan ir-rigward hija frammentata u bbażata fuq regolamenti tal-2003, u li meta kien sar l-ewwel audit f’ pajjizna min-naħa tal-IAEA fl-2005, kien enfasizzat li l-problema fl-istruttura regolatorja teħtieġ attenzjoni, iżda din it-twissija ġiet injorata għax dawn ma kinux ġew mwettqa mill-gvern ta’ dak iż-żmien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend