- L-istess tattika u l-istess stil negattiv
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, baqgħet ma ħaditx it-tagħlima li ma jiswiha xejn li tmur titkellem kontra Malta fi Brussell.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif fit-talba tagħha lill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jinvestiga s-sħubija bejn il-gvern u l-privat fil-qasam tas-saħħa, Metsola reġgħet qed tikkonferma li l-uniku għan li għandha hu li tipprova tħammeġ isem pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej.Spjega li diġa’ provat tagħmel dan, flimkien ma’ MEPs’ tal-PN, fi drabi oħra u r-riżultat kien li nefħu bużżieqa li nfaqgħet f’wiċċhom. L-impjant tal-gass f’Dellimara hu biss eżempju wieħed.
Il-PL qal li dan hu l-istess stil negattiv li hi u l-istess klikka ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista kienu u għadhom qed jużaw. Konferma oħra li Adrian Delia ma ġab ebda mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista.
L-istqarrija temmet tgħid li l-gvern m’għandu problema b’ebda investigazzjoni tant li f’Diċembru 2016 mar quddiem l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga. Investigazzjoni, li l-PN ma kellux id-diċenza jistenna tispiċċa qabel imur jiġri Brussell. Għal darb oħra jirriżulta li l-uniku problema vera hi li l-PN irid igerrex l-investiment li ġej lejn Malta. Din id-darba mill-Istati Uniti.