Il-Malta Developers Association (MDA) laqgħet bl-aktar mod pożittiv l-aħbar mogħtija mill-Ministru tal-Infrastruttura, Ian Borg, illi l-liġijiet dwar il-protezzjoni kontra n-nirien fil-bini se jkunu konsolidati bħala parti mir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fi stqarrija l-MDA qal li kif qal tajjeb il-Ministru, attwalment il-liġi dwar is-sigurtà kontra n-nar fil-bini bħal issa hija waħda sporadika u frammentata u l-MDA tħoss li din ir-riforma li permezz tagħha jkun hemm tisħiħ fil-liġi dwar din il-kwestjoni hija waħda meħtieġa urġentement.
Fil-preżent l-Awtorità tal-Ippjanar tesiġi rapporti dwar ‘fire safety’ f’postijiet li jkunu miftuħa għall-pubbliku u f’kumplessi ta’ garaxxijiet li ħafna drabi jkunu taħt il-livell tat-triq.
Fid-dawl tal-inċident riċenti li fih persuna fgat bid-duħħan fil-partijiet komuni ta’ blokk ta’ appartamenti, jidher li hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni anki fi blokki li jkunu jinkludu numru ta’ residenzi separati, bħal appartamenti u duplexes.
L-MDA qalet li tinsab lesta biex tikkopera mal-Gvern fuq din il-kwestjoni billi toffri l-pariri tagħha għat-tfassil ta’ regolamenti ġodda li jwasslu għall-iskop li jissaħħu l-prekawzjonijiet kontra l-periklu tan-nirien fil-bini.