L-Arċisqof Charles Scicluna ddaħħal fl-Isptar ta’ San Carlos de Apoquindo, f’Santiago, iċ-Ċilì, fejn sarlu intervent fil-marrara.
Kien l-Erbgħa waranofsinhar li l-Kurja kkonfermat din l-aħbar hekk kif bħalissa l-Arċisqof Malti jinsab iċ-Ċilì fuq talba tal-Papa Franġisku sabiex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbuż seswali fuq it-tfal mis-saċerdot, Karadima.Monsinjur Scicluna ssospenda l-laqgħat li kellu skedati mal-vittmi tal-allegat abbuż fiċ-Ċilì u ddaħħal l-isptar wara li wasal f’Santiago fiċ-Ċilì nhar it-Tnejn filgħaxija.
L-Arċisqof Scicluna qed imexxi din l-investigazzjoni bħala l-President tal-Kulleġġ għall-Eżaminazzjoni tal-Appelli fi kwistjonijiet jew reati gravi kontra l-fidi, il-moralità jew is-sagramenti.
Intant, immedjati kienu x-xewqat ta’ fejqan ta’ malajr għall-Arċisqof Charles Scicluna fosthom mill-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Fi tweet, il-Prim Ministru qal li qed isegwi mill-qrib ir-rapporti miċ-Ċilì dwar saħħet Monsinjur Scicluna u żied jgħid li l-Gvern jinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Ċileni b’rabta ma’ saħħet l-Arċisqof.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista wkoll awgura fejqan ta’ malajr lill-Arċisqof u qal li jittama li Monsinjur Scicluna ikompli b’ħidmietu mill-iktar fis.
L-Arċisqof mistenni jkompli jisma’ x-xhieda, li kien irrapurtat li qed jieħu b’serjeta’ kbira, sa nhar il-Ġimgħa li ġej.
We are following closely reports on the health of @BishopScicluna in #Chile, where we are in contact with the authorities. We wish him a speedy recovery -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) February 21, 2018