Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li kif ikun it-temp addattat, se jkun qed jitneħħa l-vapur Hephaestus, li nkalja fil-Qawra fil-11 ta’ Frar minħabba l-maltemp.
Meta wieġeb lill-whip tal-gvern Byron Camilleri, il-Ministru Borg qal li l-ħidma qed jieħu ħsiebha ċ-Chief Officer u Harbour Master. Hemm ukoll diskussjonijiet li għaddejjin ma’ rappreżentanti tas-sidien tal-vapur u kumpaniji ta’ assikurazzjoni, fost oħrajn.Fl-istess ħin, min-naħa tal-ufiċċju tas-Segretarju Permanenti, li huwa wkoll il-president ta’ kumitat marittimu, għaddejja ħidma sabiex permezz ta’ esperti jaraw xi tħejjijiet iridu jagħmlu biex jaqilgħuh.
Aktar qabel, il-Ministru qal li meta nkalja l-vapur kien hemm operazzjoni sħiħa biex jiġu salvati s-seba’ membri tal-ekwipaġġ li kienu fuqu.
Mhux biss Transport Malta iżda anke l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi kien l-ħin kollu attenti.
Il-Ministru Borg reġa’ assigura lill-Kamra li m’hemmx riskju mir-roqa żejt li ħarġet, għalkemm is-sorveljanza trid tibqa’ f’livell massimu.