F’laqgħa oħra tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-pagamenti diretti huma bżonnjużi biex jagħtu stabbiltà tad-dħul f’dan is-settur volatili. Għalhekk, enfasizza l-importanza li l-pagamenti diretti jkomplu jsostnu l-attivitajiet tal-biedja f’Malta, speċjalment minħabba li t-territorju tagħna, taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK), hu kkunsidrat żona b’restrizzjonijiet naturali.
L-appoġġ hu wkoll importanti għas-sopravivenza ta’ ċerti setturi. Clint Camilleri qal li jemmen li għodda essenzjali bħal din għandha tinżamm u titjieb bl-introduzzjoni ta’ aktar flessibilità biex tippermetti lill-istati membri jfasslu skemi li huma l-iktar adattati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur. Dan jikkontribwixxi aħjar biex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK u biex jiżdied il-valur għal din il-politika. L-istati membri għandu jkollhom aktar flessibilità fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tat-tali pagamenti. Il-PAK futura jeħtieġ tkompli tgħin lill-Gvern Malti biex isostni u jippreserva s-sotto-setturi soċjoekonomiċi sensittivi bħal dawk tat-tadam għall-ipproċessar, tal-ħalib u tan-nagħaġ, minbarra li jipprovdi appoġġ effettiv għal dħul ta’ livell tajjeb fis-settur tal-biedja.
Clint Camilleri enfasizza li importanti li qabel ma ngħabbu lill-bdiewa b’obbligi addizzjonali biex jiksbu progress fi kwistjonijiet ambjentali, l-ewwel nett għandna nikkunsidraw il-parti kruċjali li diġà qed jagħmlu għall-ambjent bħala parti mill-attività tagħhom. Spjega li minbarra li jipprovdu ikel ta’ kwalità għoli u sigur, il-bdiewa Maltin għandhom l-irwol essenzjali li jħarsu l-kampanja u l-pajsaġġi rurali permezz tal-attività tagħhom. Il-fatt li nimponu aktar obbligi jista’ jżid it-tendenza attwali li wasslet għat-tluq ta’ bdiewa professjonali u kapaċi mis-settur għad-detriment tal-preservazzjoni taż-żoni rurali. Clint Camilleri żied li f’dan ir-rigward hi ħasra li f’territorji b’limitazzjonijiet naturali bħal ta’ Malta fejn l-ispiża tal-art hi għolja, l-esperjenza turi li hu diffiċli immens li l-inċentivi jkunu attraenti biżżejjed biex jiġu adotatti dawn il-miżuri, jekk kemm-il darba ma jkunx hemm għajnuna finanzjarja ekwivalenti.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri enfasizza l-importanza li jkun hemm it-tieni pilastru b’saħħtu u simplifikat, li jinkludi appoġġ għall-investiment rurali, speċjalment għal Malta minħabba n-natura tas-settur agrikolu tagħna. Hu spjega li mod wieħed biex tiġi simplifikata l-politika għall-iżvilupp rurali hu billi tingħata aktar flessibilità lill-istati membri biex jadattaw il-miżuri għax-xenarju lokali. Għal din ir-raġuni, Clint Camilleri ddikjara li importanti li jiġi evitat li jkun hemm miżuri obbligatorji u li l-istati membri jitħallew jiddeċiedu dwar kif se jilħqu l-miri tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li fil-ġejjieni għandna nappoġġjaw b’mod adegwat l-intraprenditorija u d-diversifikazzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, speċjalment irziezet żgħar tal-familja. Għandu jkun hemm ukoll opportunitajiet ta’ investiment immirati biex irawmu l-impjiegi, jiġġeneraw valur miżjud u jattiraw bdiewa żgħażagħ fis-settur.
Ritratt: MESDC_PS