Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, baqa’ għaddej bl-istess tattika tal-Kap ta’ qablu li jipprova jgerrex l-investiment. Altru milli mod ġdid minn min suppost qed jaspira li jmexxi pajjiżna. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.Il-PL qal kif Delia għandu jifhem li jekk irid jibda jmexxi, imqar il-partit tiegħu, għandu jinqata’ mill-istess tattiċi li ma wasslu l-PN għall-imkien.
Kif fil-fatt lanqas qed iwasslu lilu. Tant li suppost kellu jmur il-qorti l-ewwel xogħol filgħodu u spiċċa għadda l-għodwa jissielet mal-grupp parlamentari tiegħu.
L-istqarrija temmet tgħid li fil-fatt meta ħabbar dak li kien se jagħmel, qabel kellem lill-grupp parlamentari, Delia spiċċa gerrex deputati tiegħu stess li ma ċedewlux qabel ġiegħluh isejħilhom fid-Dar Ċentrali għal-laqgħa ta’ sagħtejn.