Il-bini tal-belt Valletta jmur lura għal aktar minn erba’ mija u ħamsin sena. Belt mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq l-għolja Xeberras.
L-esperti storiċi jsosntu li fil-bini ta’ din il-belt, il-Kavallieri qisu bosta fatturi inkluż dawk militari u soċjali, iżda ħadu madwar 40 sena biex wasslulha waħda mill-aktar r-riżorsa importanti tal-ilma li mingħajru l-ebda belt ma’ tista’ tiffunzjoni.
Crew ta’ One NEWS niżel f’żewġt iġwiebi kbar li jmorru lura għaż-żmien il-Kavallieri. Il-ġwiebi b’għoli ta’ madwar ħames sulari jinsabu bejn il-Qorti u l-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.
Bil-ħitan miksija kollha għeruq tas-siġar, inżilna fil-ġibjuni li ilhom ma jintużaw is-snin. Dan wara li l-bokok tagħhom kienu ngħalqu għexieren ta’ snin ilu.
Albert Dimech, uffiċjal responsabbli mil-loġostika tal-Fondazzjoni Elefejn u Tmintax qal li l-Fondazzjoni qed tnaddaf dawn i-ġwiebi bil-għan li l-pubbliku jkun jista’ jinżel fihom u jduq parti mis-seħer li toffri din il-belt taħt l-art.
Spjega kif il-ħsieb wara dan il-proġett hu propju li juri elementi li ilhom is-snin mistura mill-għajn pubblika.
Huwa assigura li l-intervent li qed isir huwa wieħed minimu ta’ tindif, bil-għan li l-ġwiebi jinżammu fl-istat attwali tagħhom.
Fil-fatt, l-uniku interventi se jsiru huma t-tneħħija ta’ ħmieġ u ilma li nġema’ matul is-snin, u tiswija tat-taraġ, li mhuwiex ta’ żmien il-Kavallieri, sabiex jinkiseb aċċess aħjar għal dawn il-ġwiebi.
Huwa mifhum li dawn il-ġwiebi kienu maħsuba biex f’każ ta’ assedju jew imblokk, il-Belt qatt ma tkun nieqsa mill-ilma.
Is-Sur Dimech spjega li l-isfidi kienu bosta, fosthom biex jinħarġu l-permessi meħtieġa, hekk kif id-diversi awtoritajiet huma rigorużi ferm fiż-żamma u l-kura ta’ dan il-wirt storiku.
Sfida oħra kienet biex jinfetaħ aċċess għall-pubbliku, fejn tneħħiet biss il-bokka li saret f’dawn l-aħħar snin.
Huwa temm jgħid li bħala uffiċjal ta’ V18, u bħala Belti, iħossu kburi li fl-aħħar, qed isir dan il-proġett.
Minkejja li għaddejna l-isbaħ siegħa u nofs induru kull rokna ta’ dawn il-ġwiebi, ma kinux biżżejjed biex napprezzaw dan il-ġmiel storiku li fi ftit tax-xhur oħra se jkun aċċessibbli għal kull min għandu għall-qalbu l-Belt Kapitali Valletta.