Kienet esperjenza tajba, u sejjer minn hawn b’ħafna tama.
Dan kliem Juan Carlos Cruz mic-Ċilì, vittma ta’ abbuż sesswali minn membru tal-Knisja, wara laqgħa mal-Arċisqof Charles Scicluna fi New York.
Scicluna li ġie mqabbad mill-Papa Franġisku biex jistħarreġ dwar l-akkużi li l-Isqof Juan Barros fiċ-Ċilì ħeba abbużi fuq tfal. Scicluna li ġie deskritt bħala wieħed mill-iktar investigaturi rispettati u ta’ esperjenza fil-Knisja f’dak li għandu x’jaqsam l-abbuż sesswali.
Dan f’investigazzjoni li kienet deskritta minn uħud bħala U-turn, wara li l-Papa Franġisku kien saħaq dwar l-innoċenza tal-Isqof Ċilen, fid-dawl li kontrieh ma kienx hemm provi konkreti.
Wara laqgħa ta’ kważi erba’ sigħat mal-Arċisqof Malti, Cruz stqarr mal-mezzi tax-xandir li fl-aħħar ħass li xi ħadd semgħu. Dan f’laqgħa li ddeskriva bħala intensa u dettaljata, fejn saħansitra l-Arċisqof Malti beka biki ġenwin.
Cruz żied jgħid li jħares ’il quddiem għar-riżultat ta’ dan kollu, imma ħass li Scicluna huwa raġel twajjeb, li verament tqanqal b’dak li qallu.
Ta’ età żgħira Cruz, flimkien ma’ oħrajn, kien abbużat minn ċertu qassis Fernando Karadima, li nstab ħati mill-Vatikan seba’ snin ilu.
Cruz isostni li l-Isqof Barros kien konxju tal-abbuż. Però dan dejjem ċaħad li dan kien minnu.
Intant Scicluna mistenni jkompli ħidmietu din il-ġimgħa, direttament fiċ-Ċilì.