Ġuvni ta’ 35 sena tilef ħajtu traġikament u sitta oħra ddaħħlu l-isptar ibatu bi problemi f’nifsejhom kawża ta’ dħaħen kbar li belgħu f’nar kbir li ħakmu binja ta’ appartamenti f’Triq l-Aħmar, Wied il-Għajn.
One News jinsab informat li n-nar beda għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu f’kamra tas-sodda tal-appartament li jinsab fir-raba’ sular li fih kien hemm żew nisa.
Il-vittma li kien jgħix fuqhom nstab mixħut mal-art fil-komun tal-blokka tal-appartamenti. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-ġuvni tilef ħajtu minħabba d-dħaħen kbar li bela’. Hu ġie ċċertifkat mejjet fuq il-post.
Ir-residenti tal-blokka fosthom żewġt itrabi ħarġu mill-binja waqt li sitt persuni oħra ttieħdu l-isptar b’ġħadd ta’ ambulanza li marru fuq il-post biex jassistuhom.
Fuq il-post ukoll bosta vetturi tat-tifi tan-nar u membri tal-Pulizija li bdew bl-investigazzjoni tagħhom.
Bil-każ ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li ħatar bosta esperti biex jassistuh fl-inkjesta.
Fi tweet il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li twaqqaf help line fuq in-numru 25450000.