Jammetti li jiddependi minnu meta joħroġ mill-AEQUITAS | One News

Notifiki

Jammetti li jiddependi minnu meta joħroġ mill-AEQUITAS

• Kien wiegħed li kellu mekkaniżmu miftiehem u issa qed jgħid li jrid iż-żmien

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ikkonferma li jiddependi minnu meta joħroġ mid-ditti legali u ta’ servizzi li hu msieħeb fihom.

Dawn id-ditti għadu fihom minkejja li kien wiegħed li meta jilħaq kap kien se jitlaq biex fi kliemu stess ma jkollux kunflitt ta’ interess.

Kienet il-gazzetta Kullħadd li nhar il-Ħadd li għadda żvelat li sitt xhur wara l-ħatra tiegħu, Adrian Delia mhux biss għadu ma ħallasx it-taxxa iżda għadu wkoll azzjonist f’sitt kumpaniji.

Mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti tagħna, fl-aħħar jiem, Adrian Delia qalilna: “Mhux ċert jekk humiex sitta. Agħmel differenza bejn kumpanija fejn hemm l-interess tiegħi personali u fejn tkun qed tagħti servizz lil terzi. Jiena prattikament l-interess tiegħi se noħroġ minn kullimkien.”

Fost il-kumpaniji li għadu msieħeb fihom hemm dik li żviluppat proprjetà f’Għawdex. Kumpanija bi proġett spekulattiv u bi djun kbar mal-banek.

“Kont għidt ukoll li fil-kwistjoni ta’ dak il-persentaġġ jista’ jkun indum ftit iktar għax peress li hu żvilupp ta’ proprjetà, dik mhix għażla li tiddependi minni biss bħal fejn għandi n-negozju tiegħi fil-kumpanija fejn kont naħdem bħala avukat, li dak huwa ovvju jekk m’intix qed taħdem bħala avukat trid titlaq, għidt li se nitlaq irrid iktar żmien biex insib min jixtri.”

B’hekk Adrian Delia ammetta li jiddependi minnu meta joħroġ mill-kumpaniji Aequitas fejn kien iddikjara li jdaħħal €210 fis-siegħa. Fil-fatt minn dawn il-kumpaniji li fihom hemm galoppin ieħor tal-Partit Nazzjonalista bl-isem ta’ Georg Sapiano, Delia għadu fi tnejn.

Dan anke jekk qabel laħaq Delia kien wiegħed li dawn ineħħihom b’mod immedjat. Ma’ The Malta Independent kien qal: “Għandek kumpaniji bix-shareholding. Dawk se nbigħhom b’mod assolut APPENA nkun kap, diġà ftehemt il-mekkaniżmu għax ma rridx inweġġa’ l-kollegi tiegħi, u se nbigħ. L-istess bħala avukat jien mhux se jkolli iktar x’naqsam jekk ikolli din il-kariga. Mhu se jkolli x’naqsam mal-ebda attività kummerċjali.”

Fl-aħħar xhur kienu diversi l-imkejjen fil-Partit Nazzjonalista li spjegaw kif Delia qed jgħaddi ħinijiet twal il-Belt minflok tal-Pietà fejn għandu l-uffiċċju bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Xi ħaġa li għokrot għajnejn ħafna.

L-istess sorsi żvelaw kif wara l-aħbar li żvelajna l-Ħadd li għadda żdiedet il-pressjoni fuq Adrian Delia li internament qed jgħidulu li qed jidher li ma jżomm kelmtu fuq xejn anke għax baqa’ ma ħallasx ċenteżmu mit-taxxa li kellu jħallas sal-aħħar tas-sena. U qabel għamel dan mar xtara proprjetà oħra fis-Siġġiewi għax fi kliemu stess għandu ħafna tfal u jrid jara fejn se jpoġġihom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend