Baħar x'Jaqsam | One News

Notifiki

Baħar x’Jaqsam

Dr Jason Azzopardi fl-elezzjoni kien qalibha lil Dr Joseph Cassar. U lil Dr Joseph Cassar, raġel fuq l-irġiel, ħatruh maġistrat,  għax  persważ li kien jispiċċa fixxa, minkejja li kellu pożizzjonijiet ministerjali.  M’għamilx flus mill-poter.  Kien bniedem nadif.

Ma’ kull min titkellem kulħadd jgħidlek l-istess kelma, ħabib tiegħu jew avversarju.

Imma hekk hija l-politika. Mhux neċessarjament in-nies tagħżel l-aħjar biex jitkellmu għaliha fil-Parlament  Imma dik hi, jgħidu, d-demokrazija.

Imma ħaġa tal-għaġeb li dak li ma kienux jgħidu fuq Peppino Cassar ma jieqfux jgħiduh fuq Jason Azzopardi.  U jidher li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar joħorġu stejjer, li tal-inqas joħolqu mistoqsijiet, li wieħed jistenna tweġiba għalihom.

Għax tista’ tkun ċuċ kemm tkun ċuċ, imma taf li l-artijiet ma jinbigħux biċ-ċiċri. Imbagħad jekk tkun avukat,  fl-università titgħallem fuq il-bejgħ u l-prezz.  Biżżejjed li tagħti daqqa t’għajn lejn gazzetta li tinduna prezz hux tajjeb jew le, hux baxx, hux ċajta li taħseb li jkun hawn min jiblagħha.  Mhux qed ngħid jindunaw il-gwappi li jinnegozjaw fil-bini, imma mqar tfittex tnejn qed iħejju biex jiżżewġu biex jgħidulek.

U kien hemm stejjer mingħand dawn dwar Jason Azzopardi.

Peppinu Cassar kien bil-maqlub. Għax barra li kien nadif kien ukoll xorti ħażina. Kif kienet il-Kostituzzjoni dak iż-żmien¸ Maġistrat kellu jirtira hekk kif jagħlaq 60 sena. Pensjoni ma kienx jieħu. Il-pensjoni tiegħu kienet ġejja mis-snin li għamel fil-parlament, imma dik tibda meta deputat ikollu 61 sena. U għamel sena bl-għajnuna soċjali. Ngħidha għax unur għalih u prova ta’ kemm kien nadif.

Peppinu Cassar ma kienx jagħmel wiċċ u jagħti ħarsa qisu San Alwiġi! Kif tarah pinġih. 

Imma mbagħad li jkun hemm min jagħmel ħarsa tal-fidil, jikser il-vuċi qisu qed jikkonvinċi li mhux qaddis minn issa għax irid jibqa’ jgħix u jgawdi l-ħajja,  in-nies fil-bidu temmnu,  imma kif jibda jgħaddi ż-żmien taqra l-karattru tiegħu minn fuq s’isfel.

Nemmen li l-Awtorità tal-Artijiet għandha tinvestiga u tara x’għadda, u anke min kien reponsabbli. U tieħu l-passi meħtieġa, għax din dwar proprjetà tagħna lkoll.

Meta smajt bil-prezzijiet li bihom ingħatat art tal-gvern,  l-anqas biżżejjed biex tifdi żewġ ewro ċens perpetwu!

Imma hawn min hu tant hu twajjeb u ħarstu tikkonvinċik, li bil-fors żball ġenwin!

Jien ma nemminx kollox u m’inix fidil.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend