Raġel ta’ 35 sena, residenti n-Naxxar, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih wara li deher quddiem il-Qorti taħt l-akkuża li għamel ħsara volontarja fuq propjeta’ ta’ raġel ieħor.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, deher f’Awla 14 matul il-jum tas-Sibt, akkużat li kkawża diversi ħsarat permezz ta’ tfigħ ta’ żebgħa, fuq il-karozza ta’ raġel ieħor li allegatament kellu relazzjoni sigrieta mas-sieħba tal-akkużat.Il-Maġistrat Joe Mifsud talab li l-ismijiet taż-żewġt partijiet jibqgħu mistura għaliex saħaq li dan il-każ għandu jiġi solvut wara l-bibien tal-qorti u m’ għandux iħalli riperkussjonijiet fuq il-familjari u l-ħajja privata tagħhom.
Waqt is-smiegħ tal-kawża, l-Maġistrat ma naqasx milli jwissi lill-akkużat li qatt mhu permessibli li nieħdu l-liġi b’ idejna u fakkru fil- piż legali li jġorru magħhom azzjonijiet bħall ma għamel hu u tah il-parir li jekk kellu suspetti li s-sieħba tiegħu kienet infidili lejh, kellu jieħu għajnuna professjonali u jsolvi l-affarijiet b’ mod ċivili.
Hekk kif kien wasal lejn tmiemu, is-smiegħ tal-kawża, l-akkużat talab lil Qorti biex tordna lill-parte civile biex tneħħi minn fuq Facebook, ir-ritratti li kellu mas-sieħba tiegħu. B’reazzjoni għal dan, il-Maġistrat Joe Mifsud stqarr li legalment ma setax jordna li jitneħħew ir-ritratti iżda żied jgħid li bħala sens ta’ rispett u prudenza, hu tal-opinjoni li dawn kellhom jitneħħew.
L-akkużat ingħata l-liberta proviżorja għal 3 snin u l-Qorti ordnat li tingħata protection order ta’ 3 snin ukoll li tobbliga lill-akkużat li ma jagħmel ebda kuntatt mal-parte civile għall-ebda raġuni.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley filwaqt li Dr. Julian Farrugia deher għall-akkużat.