Hekk kif pajjiżna kien minn ta’ quddiem fejn jidħlu drittijiet ugwali lil hinn minn differenzi ta’ sess jew ġeneru, il-Korp tal-Pulizija jinsab għaddej b’ħidma biex l-uniformijiet tal-Pulizija jinbidlu u jiġu komuni. Dan biex ikunu salvagwardjati l-interessi ta’ persuni LGBTIQ.
ONE News tkellem ma’ Pulizija li xtaqet tibqa’ anonima, li saħqet li l-fatt li hi persuna LGBTIQ iġġib diversi sfidi meta tiġi biex tingħata uniformi għax ftit jifhmu li hi ma tħossiex komda tilbes uniformi li jilbsu l-bqija tan-nisa fil-Korp.
Kompliet tispjega li l-fatt li qed tinstema’ l-weġgħa ta’ persuni bħalha għaliha huwa pass kbir ’il quddiem.
Għaliex wara diversi snin ġġorr din il-problema, fl-aħħar qed tħoss li l-amministrazzjoni tax-xogħol li tant tħobb, qed tagħraf ir-realtajiet ta’ persuni bħala, u dan jimmotivaha biex taħdem iżjed għal qalbha.
Fid-dawl ta’ dan, sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija ikkonfermaw ma’ ONE News li l-Kummissarju ħatar kumitat intern, mmexxi minn persuni f’karigi għolja fil-korp, li qed jaħdmu biex irrilevanti mis-sess tal-uffiċjal, l-uniformijiet, partikolarment il-brieret, ikunu l-istess.
Kumitat li beda l-proċess billi kkonsulta ma’ diversi nisa membri tal-korp u jinsab għaddej b’diskussjonijiet interni sabiex din il-miżura tiġi implimentata mingħajr dewmien.