Imħabbar proġett ta' €17-il milljun għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma | One News

Notifiki

Imħabbar proġett ta’ €17-il milljun għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma

B’investiment ta’ sbatax-il miljun ewro, tħabbar il-Pjan Nazzjonali dwar il-Politika tal-Ilma li għandu l-għan li jwassal għal titjib fl-immaniġġjar u l-protezzjoni tal-ilma kollu f’pajjiżna, mill-ilma fil-widien għall-ilma tal-pjan u l-ilma baħar.

Il-proġett imħabbar mill-Ministru għal-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera se jkun qed isir fuq medda ta’ tmien snin se jinkludi sebgħa u għoxrin miżura biex jitjieb l-immaniġġjar tal-ilma.

Il-proġett se jiġbor flimkien entitajiet minn erba’ ministeri u waħdu għandu kofinanzjament ta’ €10.2 miljun, u li b’hekk ser ikun qiegħed jirdoppja l-finanzjament għal Malta taħt il-programm LIFE.

Il-Ministru Mizzi qal li l-proġett għandu bosta miri fosthom li ħamsin elf dar tingħata għajnuna dwar kif tonqos il-ħela tal-ilma u li jitwettqqu ħamsa u tmenin proġett dwar konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel.

Is-Sur Mizzi semma wkoll dħul ta’ teknoloġiji u prattiċi ġodda dwar l-ilma u programmi ta’ monitoraġġ u restawr ta’ sistemi ekoloġiċi fil-widien u fl-artijiet mistagħdra.

Il-Ministru qal li l-akbar sfida għal dan il-pjan hija n-nixfa li jaffaċċja pajjiżna.

Manuel Sapiano, il-Kap tal-Politika dwar l-Ilma fi ħdan l-Aġenżija tal-Ilma u l-Enerġija qal li l-proġett jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ forum konsulattiv dwar l-immaniġġjar tal-ilma f’Malta li se jiġbor flimien lis-settur privat u dak pubbliku.

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar li bħala parti minn dan il-proġett il-Ministeru tiegħu ser jibbenefika minn madwar €4.5 miljun li ser jiġu investiti fl-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu, l-immudellar tal-ġbir tal-ilma, restawr tal-ilmijiet kostali, kif ukoll stħarriġ dwar l-ambjent marittimu tagħna.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend