Malta ser tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li teqred il-marda tal-epatite Ċ. Għal dan il-għan il-Gvern nieda strateġija nazzjonali bil-għan li jikkura l-elf persuna li preżentament qegħdin ibatu minn din il-marda kronika fosthom kanċer fil-fwied kif ukoll sirożi.
L-ispeċjalista tas-Saħħa Pubblika Sacha Reiff semma kif għall-kuntlarju ta’ dak li kien isir qabel fejn ta’ kull sena l-Gvern kien isiefer erba persuni fis-sena sabiex jieħdu l-kura, minn April illi ġej il-pazjenti ser ikunu qegħdin jieħdu mediċina moderna f’Malta stess.
Qal li ħafna drabi l-marda tkun fuq il-bniedem bla ma jinduna sakemm il-fwied jibda jimrad u joħorġu s-sintomi fosthom is-suffejra.
Qal li wħud mis-sitwazzjonijiet l-aktar perikolużi huma l-kuntratt sesswali u t-teħid tad-droga. Ħafna drabi f’dawn is-sitwazzjonijiet il-persuna tiġi f’kuntatt mad-demm li jista’ jkun infettat mill-virus tal-epatite.
Biex inaqqas l-infezzjonijiet, il-Gvern jagħti siringi b’xejn lill-persuni li jabbużaw mill-vizzju tad-droga. Fil-fatt fl-2016 tqassmu aktar minn tlett mija u tlieta u tlettin elf siringa.
Waqt it-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne spjega li wara negozjati mal-aġenti ntlaħaq ftehim li l-Gvern iħallas lill-aġenti ta’ din il-mediċina f’każ li l-pazjent ifieq- dan bil-għan li sal-elfejn ħamsa u għoxrin, din il-marda tinqered darba għal-dejjem minn pajjiżna:
Permezz ta negozjati li ghamilna fl-ahhar ftit xhur irnexxilna ngibu prezzijiet li jaghmluha afforfabbli ghall pajjiz li nittrattaw pazjenti li qegħdin ibatu minn hepatitis C f’pajjiżna.
Sabiex tirnexxi din l-istrateġija, l-Gvern ser ikun qed isaħħaħ il-miżuri
ta’ prevenzjoni billi jagħmel aktar moniteraġġ fuq gruppi ta’ persuni li jkunu qegħdin f’riskju għoli ta’ din il-marda kif ukoll iqajjem aktar kuxjenza fost il-pubbliku