Mill-moda għall-biedja organika | One News

Notifiki

Mill-moda għall-biedja organika

Mill-passarella fl-isfilati ta’ wirjiet tal-moda, għar-raba’ qalb il-ħxejjex, il-frott u l-klieb tal-għassa.

Din hija Gloria Camilleri, li għamlet snin twal bin-negozju tal-ħwejjeġ u issa ilha għal dawn l-aħħar sena u nofs topera b’negozju t’għalqa li tkabbar il-frott u l-ħaxix b’mod organiku.

B’passjoni liema bħala, hi u ddawarna mal-għalqa tagħha spjegat kif meta ħalliet għal kollox id-dinja tal-moda, ftit li xejn kellha tagħrif fuq il-biedja iżda permezz ta’ taħriġ li rċeviet issa qed tkabbar prodotti organiċi li huma ċċertifikati.

Ġewwa l-għelieqi ta’ Gloria Camilleri kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia.

Flimkien ħabbru kif hemm aktar minn miljun ewro minn fondi Ewropej li qed jiġu offruti biex tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija u l-biedja organika.

Filfatt bil-miżura tal-immaniġġjar tal-ħamrija, il-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn mitejn u tlettax-il ewro fis-sena għal kull tomna ta’ art, jekk jimplimentaw pjan ta’ ġestjoni u konservazzjoni tal-ħamrija.

Filwaqt li dwar il-biedja organika, hemm offrut mija u ħamsa u tletin ewro fis-sena għal kull tomna t’art jekk il-bdiewa jikkonvertu mqar parti mill-produzzjoni tagħhom.

Sadanittant Gloria Camilleri, li permezz tal-għalqa tagħha tista’ sservi ta’ mudell eċċellenti għall-biedja organika qaltilna wkoll li anki jekk tinstema’ stramba, il-moda u l-biedja għandhom rabta bejniethom.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend