Liġi dwar karozzi li jaħdmu b'enerġija nadifa | One News

Notifiki

Liġi dwar karozzi li jaħdmu b’enerġija nadifa

L-ewro-parlamentari Laburista Miriam Dalli ngħatat l-inkarigu biex tmexxi l-Parlament Ewropew fin-negozjati għal-livelli Ewropej dwar emmissjonijiet tal-karozzi lil hinn mill-miri tas-sena elfejn u għoxrin.

Miriam Dalli se tkun qed taħdem bħala rapportuer għal-leġiżlazzjoni ambizzjuża  sabiex jonqsu d-dħaħen tal-karozzi filwaqt li ssir aktar riċerka u innovazzjoni għall-vetturi li jaħdmu b’enerġija aktar nadifa.

L-abbozz ta’ din il-leġislazzjoni huwa mmirat biex jindirizza tliet problemi: in-nuqqas ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew li ma jniġġsux ħafna; il-possibiltà li l-konsumaturi mhux qed jiggwadanjaw billi jiffrankaw il-fjuwil; u r-riskju li l-Unjoni Ewropea titlef il-kompetittività minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni f’teknoloġija b’emmissjonijiet baxxi.

Dalli spjegat kif din il-liġi se toħloq qafas għall-karozzi u vannijiet żgħar fejn tenniet:

“Jiena nemmen li din hija opportunita’ tieghi li nahdem fuq ligi li tista’ taghmel differenza fis-snin li gejjin ghaliex l-affarijiet ma jistghux jinbidlu mil-lum ghal ghada imma jirrikjedu tul ta’ snin, pero tista’ taghmel differenza fil-hajja tac-cittadini taghna u b’mod importanti fil-hajja, mhux tat-tfal tieghi biss ta, imma tat-tfal kollha, li nippruvaw nhallulhom dinja aktar nadifa, dinja fejn ikollhom kwalita’ ta’ hajja ahjar u dinja fejn is-sahha taghhom ma tkunx mhedda minhabba t-tniggis tal-karozzi u l-vannijiet.”

L-ewro-parlamentari Maltija se tkun qed taħdem fuq din il-leġislazzjoni, fl-isfond li qed ikomplu joħorġu aktar aħbarijiet dwar kif allegatament il-Volkswagen qarrqu fit-testijiet għall-emissjonijiet.

L-aħħar informazjoni maħruġa minn Transport Malta u l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kif hawn aktar minn tlett mija u sebgħin elf vettura liċenzjata f’Malta.

L-istatistika turi wkoll li f’pajjiżna, kuljum qed jiġu rreġistrati mas-sitta u tletin karozza.

Preżentament f’Malta hawn inqas minn wieħed fil-mija tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew li huma hybrid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend