Il-futbol Malti għandu bżonn ċaqlieqa mill-qiegħ – One News

Notifiki

Il-futbol Malti għandu bżonn ċaqlieqa mill-qiegħ

Bħala persuna li nsegwi b’attenzjoni l-futbol Malti, nemmen li dan l-isport għandu bżonn ċaqlieqa mill-qiegħ.

Ċertament li mhu qed ngħid xejn li qatt ma smajna, iżda ħafna drabi dejjem nitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ bidla fil-futbol mill-perspettiva tal-kwalità tal-players Maltin, kemm hemm Maltin li jilgħabu barra pajjiżna, il-kwalità tal-kampjonat, il-livell ta’ barranin li jilgħabu fil-kampjonat tagħna u l-livell tal-infrastruttura li ngawdu minnu.

Jien nemmen li hemm aspetti oħra li wieħed għandu jħares lejhom. Wieħed minnhom huwa l-livell tal-uffiċjali tal-logħba. Hemm bżonn li sabiex il-futbol Malti jkompli jipprogressa, ikun hemm uffiċjali tal-logħba li jkunu preparati aktar, li jkun hemm aktar kontabilità fuq l-andament tagħhom fil-logħba u l-follow-ups li jsiru wara. Ma rridx niġġeneralizza, hawn referees li huma tajbin ħafna, meta tqis kemm trid tkun spedit biex tieħu deċiżjoni waqt logħba futbol, u bħal kull bniedem ieħor huwa suxxetibli li jagħmel żbalji, liema żbalji tagħhom jidher aktar, iżda trid tara jekk ikunx hemm konsistenza f’ċertu żbalji li ħafna drabi jikkastigaw l-istess timijiet.

Fil-logħba tal-futbol jirbaħ min jiskurja l-aktar, u min ikun fl-aqwa forma fil-ġurnata vera, iżda deċiżjonijiet tal-uffiċjali jbiddlu l-andament tal-logħba, tant li l-aqwa tim fil-pitch jispiċċa biex jitlef  mhux biss minħabba d-deċiżjonijiet b’mod dirett, iżda anke l-effetti psikoloġiċi fuq il-players minħabba talli deċiżjonijiet.

Jien nemmen li dawn il-fatturi huma determinati daqs kemm huma determinati fatti bħal kemm għandna players tajbin jilgħabu fil-kampjonat Malti jew il-livell tal-barranin li jinġiebu hawn.

Dan kollu jingħaqad mal-fatt ukoll li l-futbol Malti ma jagħmluhx biss il-players u r-referees iżda anke l-Amministaturi tal-futbol Malti li ħafna drabi joħorġu eluf ta’ Ewro minkejja li ngħiduha kif inhi l-kampjonat Malti m’għandux xi prospetti ta’ qligħ bħal m’għandhom kampjonati oħrajn lil hinn minn xtutna. Nemmen li deċiżjonijiet ħżiena b’mod ripetut kontra l-istess timijiet jiskoraġixxu lil dak li jkun milli jkompli jinvesti fil-futbol Malti, investimenti li effettivament qed jgħollu l-livelli tal-futbol Malti kollu f’daqqa.

Hemm bżonn li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol tidħol aktar f’każijiet individawli ta’ dan it-tip, għax jekk għamilna progress fil-faċilitajiet, vera, għadna lura ħafna f’dawn l-affarijiet li semmejt fosthom l-uffiċjali tal-logħba.

Biex tgħaxxaq kollox ilkoll smajna bil-każ tal-korruzzjoni fit-tim Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u meta l-perċessjoni li fil-futbol Malti hija li l-korruzzjoni fil-futbol hija tant qawwija, b’ħafna jgħidulek li ma nersqux lejn il-grawnd għax inkunu nafu r-rizultat minn qabel, deċiżjonijiet żbaljati waqt il-logħbiet ikomplu jżidu l-apatija u jkabbru l-ideat ta’ xi ħaġa li tista’tkun ħażina, meta l-verità taf tkun li ma jkun hemm xejn minn dan.

Ma rridx b’xi mod nitfa’ xi suspett fuq l-integrità tal-Uffiċjali jew ta’ xi ħadd, dawn huma nies li jagħmlu sagrifiċċji kbar ħafna, iżda hemm bżonn li fil-pjan ħolistiku għall-futbol Malti, jiġi kkunsidrat kollox.

Minkejja progressi li stajna għamilna, hemm bżonn ċaqlieqa oħra mill-qiegħ fil-futbol Malti, ċaqlieqa anke li fl-aħħar mill-aħħar tgħin lit-tim Nazzjonali tal-Futbol li ma semmejt xejn fuqu għax inkella rrid nikteb mitt blog ma’ dan.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend